Il-Prim Ministru żelaq fin-nixef

Il-Parlament huwa l-għola istituzzjoni li għandna fil-pajjiż. Huwa hemm fejn jiġu diskussi l-liġijiet. Dawn id-diskussjonijiet għandhom dejjem iżommu livell ta’ l-għola kwalita’ u qatt ma għandhom jitħallew jaqgħu f’livelli miżeri u meskini.

Din il-ġimgħa esperjenżajna okkażżjonijiet fejn deher li l-parlament ħalla esponenti jirredikulaw din l-istituzzjoni tant prestiġjuża. Jiddispjaċini ninnota li din id-darba, kien il-Prim Ministru li żelaq fin-nixef.

Dan meta il-Prim Ministru qal li fi ftit siegħat oħra ser toħroġ aħbar fuq membru ieħor fil-parlament min-naħa opposta. Meta smajt hekk ħassejtni nistħi. Stħajt mhux għaliex kien ser jikxef membru tal-oppożizzjoni jew kien ser jgħid xi ħaġa fuq Jason Azzopardi. Lil Azzopardi nikritikah ħafna. Biss xorta, il-Prim Ministru ma jistax jaqa’ fuq dan il-livell fil-Parlament.

Prim Ministru ma jista’ jinżel għal-livell ta’ ġurnalist (bir-rispett kollu lejn il-ġurnalisti) u qisu jħabbar scoop. Meta jagħmel hekk ifisser li l-Prim Ministru jkun tilef l-argumenti kollha li kien qed iressaq. Il-Prim Ministru jrid jiftakar li qiegħed fl-għola istituzzjoni ta’ dan il-pajjiż.

Meta Prim Ministru jaqa’ f’dak il-livell ta’ vendikazzjoni kontra membru tal-parlament ieħor biex forsi jieħu xi vantaġġ politiku, għalija ikun waqa’ f’livell disgustanti u ma jkunx dehen li jissejjaħ Prim Ministru.

Il-Prim Ministru għandu jħalli l-iscoops joħorġu minn min għandu joħroġhom u l-Prim Ministru għandu jżomm id-dekor tiegħu. Il-Prim Ministru jrid jiftakar li jkun fejn jkun qed jirrapreżenta lill-pajjiż u ma jista’ qatt u mkien jwaqqa’ l-pożizzjoni tiegħu għar-redikolu.

Il-Prim Ministru għandu responsabilita’ kbira f’kull ħaġa li jagħmel. Il-Prim Ministru jrid jiftakar li isem pajjiżna mhux qiegħed fl-għola grad, fejn kollha kemm aħna nixtiequh. Mela ma għandux ikompli jkasbru b’għemilu, imma jkun responsabbli u jġorr il-piż tal-pożizzjoni tiegħu b’dinjita’.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *