Adrian Delia jiġi oskurat fuq NET Live

Ftit tal-jiem ilu, Dr. Adrian delia kien mistieden fuq NET Live biex jitkellem dwar il-kawża li huwa fetaħ. Robert Cremona, il-producer u l-preżentatur ta’ dan il-programm stieden lil Adrian Delia fl-istess ġurnata li fiha nstemgħet l-aħħar seduta tal-kawża dwar l-isptarijiet.

Kulħadd għandu jaqbel li din hija kawża mportanti minħabba l-mod mill-aktar oxxen kif dawn l-isptarijiet ġew mgħoddija f’idejn il-barranin. Dak in-nhar Dr Delia tella’ fuq il-pedana tal-qorti politiċi li kellhom jgħidu affarijiet u jistqarru l-verita’ li jafu. Qed joħroġ b’mod ċar ħafna l-istalletti li taw lil xulxin dawn il-politiċi f’pożizzjoni għolja fil-Gvern Laburista. Ħalli nitfgħu kollox fil-perspettiva. Din hija kawża li tinteressa mhux biss lin-Nazzjonalisti imma hija kawża ta’ importanza nazzjonali u tolqot nies direttament ta’ kull kulur politiku. Din hija kawża li qed tiġi segwita mill-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba u li verament iridu sptarijiet tal-għola livell.

X’ġara f’dan il-program? Dr Delia ġie offrut ħin limitat. Huwa pprova, fil-ħin limitat li kellu, jispjega dak li sirna nafu fl-aħħar seduta tal-qorti. Anke Dr Delia stess stqarr li hemm ħafna iżjed informazzjoni li jrid jispjega imma l-preżentatur beda jgħidlu li l-ħin huwa limitat. Hawnhekk nixtieq nistaqsi lil Robert Cremona. Min hu l-persuna fil-Partit li tak l-ordni biex toffri ħin limitat lil Dr Delia biex ifiehem x’qed jiġri f’kawża li tinteressa lill-poplu kollu?

Imma kif jista’ jkun li ma tagħtux każ li propju dakinhar stess il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne żvela li l-affarijiet kienu qed isiru fl-OPM minn wara daharu?

Fuq kollox, iċ-ċirasa fuq il-kejk ġiet wara. Wara li Dr. Delia deher fuq dan il-programm, Dr Said biex jirrepeti narrattiva li ilu jħambaq fuqha xhur sħaħ. Għalkemm Robert Cremona pprova jistaqsi mistoqsijiet biex forsi nkunu nafu xi ħaġa ġdida, Dr Said ma qal xejn ġdid.

Jidher ċar li hemm min qed jibża’ minn Dr Delia u ma jridx iħallih jispjega bid-dettal kollu informazzjoni taħraq dwar kawża nazzjonali.  Is-sentiment huwa li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti ordnijiet biex ikun oskurat l-ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Din mhix kwistjoni ta’ bilanċ. Jekk dan sar biex jinħoloq bilanċ intern, allura għandu għax jinkwieta l-Partit Nazzjonalista. Fuq l-istess stazzjon tal-Partit Politiku ma hemmx lok li tistieden deputat tal-fazzjoni opposta biex  taparsi toħloq bilanċ. Dan kien biss disservizz lejn il-partitarji Nazzjonalisti.

Kienet wisq ovvja li xi ħadd ma riedx li jurta lill-fazzjoni ta’ kontra Delia u b’hekk, meta saru jafu li ser jidher Adrian Delia, riedu malajr malajr jibbilanċjaw, mingħalihom, u ġabu lil Chris Said biex ma qal xejn ta’ interess partikolari. Qal li f’Għawdex hemm entużjażmu kbir kull meta jzur il-gżira Għawdxija il-Kap Bernard Grech. Aħjar dan il-kliem ma qalu xejn għax aktar deher ċar li qed jgħidu biex ikun ta’ bilanċ għal dak li beda jgħid Adrian Delia f’dan il-programm. Il-verita’ hija li hu qed jikkontrolla l-laqgħat kollha li jsiru f’Għawdex u kull laqgħa f’Malta bħal eżekuttiv u grupp parlamentari.

Deher ċar li din kienet mossa biex Adrian Delia ma jieħux kredtu tax-xogħol siewi li qed jagħmel fil-kawża kontra l-Vitals.

Leave a Reply