Il-veru qarnita hija dik li kissret lill-Partit Nazzjonalista
Il-bieraħ kellna protesta politika quddiem il-Parlament fejn fiha, numru ta’ nies pprotestaw kontra dik li qed isejħu bħala l-qarnita tal-korruzzjoni u talbu li jinqatgħulha s-swaba’ tagħha. Jekk wieħed jaħseb li din il-qarnita tinsab biss fuq in-naħa tal-gvern qed jagħmel żball kbir. Il-veru qarnita li trid tiġi meqruda hija dik li tefgħet lill-Partit Nazzjonalista f’dilemma. Wara, tkun tista tiġi meqruda kull qarnita l-oħra. Jekk is-swaba’ ta’ din il-qarnita li kissret l-awtorita’ tal-kap tal-oppożizzjoni ma jkunux maqtugħa, il-pajjiż ma jistax jieħu r-ruħ. Din il-qarnita ġabet il-kap tal-Partit Nazzjonalista kontinwament iħares madwaru biex jara għandux lil kulħadd jiġbed il-ħabel miegħu. Din il-qarnita dgħajfet, żarmat u naqset ħafna t-trankwillita’ u serħan tal-moħħ ta’ kull kap ta’ dan il-partit, kemm dak li hemm illum u oħrajn li ser jiġu warajh.
Ebda kap ma jista’ jaħdem b’moħħ ċar għax jaf li jista’ jgħaddi minn xix għadda l-kap qabel. Liema kap jista’ jieħu deċiżżjonijiet bi trankwillita’ jekk ma jafx jekk tkunx qed tinħema xi rewwixta minn ta’ madwaru? Liema kap jista’ jaħdem, iressaq, jipproponi jew jirrispondi mistoqsijiet bla ma jinkwieta li b’dak li jgħid jew jagħmel ser isib ruħu f’inkwiet kbir?
Dan huwa riżultat ta’ ftit parlamentari ribelli li rvellaw kontra l-kap tagħhom. Dawn il-ftit nies b’viżjoni limitata u mċajpra rrendew il-post ta’ kap bħala wieħed li qatt ma jista’ jkun stabbli iżjed. Din hija l-veru qarnita li għandu fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista. Kull kap ta’ dan il-partit irid kontinwament jaħseb sew fuq dak li jgħid jew jagħmel. Ebda kap ma jista’ jaħdem b’serħan tal-moħħ minn elezzjoni ġenerali għall-oħra għax jista’ jiġi mogħti gambetti minn sħabu stess li jwassluh għal sitwazzjoni li ma jkunx jista’ iżjed imexxi.
Dak li ġara lil Dr. Adrian Delia ħoloq sitwazzjoni kerha ħafna u bla preċedent. Dak li ġara lil Dr Delia jista’, la sar darba, jerġa’ jsir. Dak li ġara lil Dr Delia jirredikola kull vot li jieħdu minn issa ‘l quddiem il-kunsillera jew it-tesserati. B’dak li ġara poġġa kull vot fil-Partit Nazzjonalista bħala vot li ma fadallux saħħa. Kull vot ma jistax iservi għat-tul ta’ żmien li għalih kien ittieħed. Kull vot fi ħdan il-Partit Nazzjonalista spiċċa bla valur ta’ xejn.
Lanqas ħaqq dawk l-ispejjeż kollha biex torganizza elezzjoni għat-tesserati biex il-vot finali ma jwassalx, ma jiġix konsidrat validu, ma jiġix konsidrat deċiżiv u ma jiħux iż-żmien li jkun indika l-istess vot. Meta tħares lura u tiftakar x’għamlu kapijiet qabel, ikollok tgħid li din il-qarnita irnexxilha ġġib fix-xejn id-deċizzjoni ta’ Dr. Simon Busuttil meta ta l-vot lit-tesserati biex jelliġġu kap. Grupp ta’ ribelli rnexxilhom iżebilħu l-istess vot mittieħed u ma kkonsidrawhx leġittimu.
Din l-azzjoni meħuda ser tħalli konsegwenzi koroh fuq kull min jimmilita fil-Partit Nazzjonalsita. Jekk nieħdu dak li qed naqraw bħalissa fuq diversi ġurnali u kummenti oħra, nindunaw li dak li sar diġa qed jagħti lok biex titqies xi ħaġa simili. Qed naqraw li min poġġa lill-kap kurrenti mhux kuntent b’dak li qed jagħmel. B’dak li nkiteb jista’ jagħti x’jifhem li dak li sar ma’ Dr. Delia jista’ jsir ma’ Dr Grech. Fuq kollox, meta l-bieraħ, waqt il-protesta kien hemm min tkellem dwar il-bżonn li l-qarnita tinqatalha s-swaba’ tagħha, ma kienx qed jirreferi wkoll għat-tkeċċija ta’ Dr. Delia mill-Partit Nazzjonalista?
Imbagħad dawn l-istess nies jieħdu għalihom meta tgħidilhom li ħatfu l-Partit Nazzjonalista f’idejhom. Jieħdu għalihom għax tgħidilhom li twerwru li jittieħed it-tapit minn taħt saqajhom. Jieħdu għalihom għax tgħidilhom li kissru Partit Nazzjonalista u ġabuh f’sitwazzjoni rreparabbli.
Jieħdu għalihom kemm iridu imma meta jasal il-ġudizzju fuq kull wieħed minnhom, hemm bżonn li kull Nazzjonalist jiftakar dak li għamlu, jiftakar li telfu lin-Nazzjonalisti tlett snin sħaħ ta’ ħidma, jiftakar li d-diviżżjonijiet kollha maħluqa fil-Partit huma riżultat tal-arroganza tagħhom li ilha ġejja ħafna snin, jiftakar li bil-prime donne l-Partit mhux ser jieħu r-ruħ, jiftakar li dment li jibqgħu dawn in-nies, l-arroganza u s-suppervja mhux ser jieqfu. Fuq kollox wieħed irid jiftakar ukoll li biex il-Partit Nazzjonalista jkun partit alternattiv għall-gvern irid parlamentari li jħarsu lejn il-partit bħala għodda ta’ servizz għall-poplu, u mhux strument ta’ gwadann għalihom personali.
il verita ma merija hat sur mercieca comply hekk ghax il poplu injurant