Il-grazzja ta’ Alla u r-radju tal-Knisja

Advertisements

Kumment minn osservatur politiku

Waqt program li kellu ma’ Andrew Azzopardi fuq ir-radju tal-knisja, il-kirurgu Kevin Cassar qal kliem f’dan is-sens “għall-grazzja ta’ Alla l-Partit Nazzjonalista ħeles minn Adrian Delia”. Issa dan Cassar huwa kirurgu. Mhux ser nitkellem fuq xogħlu. Biss ngħid biss li din l-istess media kienet għamlu għaġeb kontriek, Dr. Simon Mercieca, talli għidt li ħaqq Alla mhux dagħwa. Imma biex nużaw il-media tal-Knisja biex nirringrazzjaw lil Alla għax tneħħa politiku saret xi ħaġa tajba.

Illum, Kevin Cassar imdaħħal fil-politika. Forsi d-dinastija Fenech Adami ħajritu jidħol fil-politika . Sa hawn ma hemm xejn ħażin. Biss ser ikolli nfakkar lil dan il-kirurgu li meta hu resaq lejn il-familja Fenech Adami, dak iż-żmien twerċu ftit għajnejn. Għalhekk dejjem ngħid li min jerfa’ għaptu għandu x’ixomm.

Irrid infakkar li dan il-kirurgu li l-avviċinanza tiegħu lejn id-dinastija Fenech Adami kien ser ikollha effett ikrah anke fuq il-pajjiż. Iż-żwieġ tiegħu mat-tifla ta’ Eddie kien għoddu wassal għar-riżenja tal-istess Eddie Fenech Adami. Hawn nuża l-kliem “għall-grazzja ta’ Alla” li Eddie ma rreżenjax. Imma din mhux ser nużaha biex nifraħ li l-Partit ħeles minn Dr Adrian Delia. Għandna għax nirringrazzjaw lil Alla għax Eddie baqa’ jmexxi lil pajjiżna u għall-ġid kollu li għamel għalkemm forsi mhux kulħadd jaqbel miegħi. Kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu.

Biss illum hemm il-cabal Fenech Adami. Hawn trid issir distinzjoni bejn Eddie Fenech Adami u dan il-cabal li nħoloq bl-isem ta’ Fenech Adami. Il-cabal Fenech Adami kellu effett kbir fuq Cassar għax spiċċa ħareġ fl-aħħar mumenti għall-elezzjoni fl-2017 taħt it-tmexxija Simon Busuttil. Illum nissuspetta li sar parti minnu. Ma ninsewx li dak iż-żmien wieħed mill-viċi-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista kien ħu l-mara tiegħu, Beppe. Tgħid kienet il-konvinzjoni ta’ Beppe li wasslitu biex joħroġ għall-politika? Għalhekk nixtieq nistaqsi mistoqsija diretta lil Kevin Cassar. X’għamillek lilek personali Adrian Delia? Għamillek xi azzjoni ħażina fuq livell personali? Għalfejn din il-ħdura kollha lejn persuna li pprova jagħmel il-ġid lill-Partit u jnaddaf lill-istess Partit mill-ħakma kerha li għandha fuqu klikka perikuluża? Għalfejn qed tattakka tant bl-ikrah lil Adrian Delia mingħajr ma tgħidilna jew tillistjalna x’għamel ħażin fit-tlett snin ta’ tmexxija tiegħu? Nispera li mhux ser tkompli fuq in-narrattiva ta’ ħu l-mara tiegħek Beppe jew agħar fuq in-narrattiva ta’ Daphne Caruana Galizia.

Tinsiex li dan l-ex-viċi kap qal quddiem il-grupp parlamentari, bl-iskop ċar biex jagħmel ħafna ħsara lil Dr Adrian Delia, li Dr Delia ma kienx il-kap tiegħu. Tgħid x’kont tagħmel int kieku sirt taf meta irfist l-għadba ġewwa Main Street Birkirkara, li kien hemm xi membru parlamentari li lill-kunjatu tiegħek qallu li Dr Eddie ma kienx il-kap tiegħu? Tgħid kont tattakka lill-kap jew lil min qallu li ma kienx iħares lejn Eddie bħala l-kap?

Ma jfissirx li la tħallat mal-cabal Fenech Adami trid bil-fors tilagħba tal-politiku. Wisq nibża li l-informazzjoni li int qed tiġi mitmugħ hija dik li ġejja mill-cabal tiegħek stess. Issa kulħadd jaf fejn waslu ħut il-mara tiegħek. Wieħed ta lil Partit Nazzjonalista l-akbar tkaxkira li qatt kellu bħala viċi-kap. L-ieħor idur minn post għall-ieħor u xi darba nistaqsuh x’riżultati għandu x’juri ta’ xogħolu, kien fejn kien.

Infakkrek biss li meta Daphne Caruana Galizia kitbet dak il-famuż artiklu fejn ferħet li miet Dom Mintoff, ħsara kbira ġarrab il-Partit Nazzjonalista. L-agħar li din il-politika ta’ mibegħda llum qed tkun imxandra minn fuq ir-radju tal-Knisja Kattolika.