Mistoqsijiet miftuħa lil Manuel Delia dwar kemm hi twila l-imgħarfa tiegħu
Blogpost mingħand minn osservatur politiku
Illum ser tiġi organizzata protesta l-Belt minn Manwel Delia u sħabu. Jien ser nieħu l-okkażjoni biex nistaqsi xi domandi oħra lil Manwel forsi jirrispondihom fil-każ li jkun wieħed minn dawk li qed jindirizza lill-folla. Dan li ġej huwa paragrafu meħud minn artiklu li inti tellgħajt fil-blog tiegħek Dr Simon Mercieca.
“Nies bħal Manuel Delia u sħabu tas-soċjeta ċivili iridu li Bernard Grech jagħmel li jridu huma. Is-sitwazzjoni qed issir aktar agħar ġewwa l-Partit Nazzjonalista. Il-mistoqsija hija din. Min qed iħallas għal dan kollu? Jista’ jgħidilna Manuel Delia jekk hux qed jieħu flus għal kitbiet li qed jikteb? Jistgħu in-nies tas-soċjeta’ ċivili jgħidulna min qed iħallas għal dawn il-protesti? U jekk iwa, min qed iħallsu?”
Dan il-paragrafu fih ħafna x’tixtarr. Huma mistoqsijiet validissimi li jagħmlu ħafna sens. Jekk ma jimpurtax jien ser nikteb xi ħaġa biex inkompli nistaqsi lil Manwel Delia. Dan il-bniedem għandu pinna tajba u xi kultant punġenti żżejjed li twassal għal xeħtiet valenużi. Nafu żgur li għandu oddju kbir għal Dr Adrian Delia saħansitra li qed jordna lil Dr Grech ikeċċih. Min jaf għaliex hux? Naf ukoll li darba kiteb artiklu biex jistaqsik kemm hija twila l-imgħarfa tiegħek. Naħseb li wasal iż-żmien li wieħed jistaqsi kemm hija twila dik tiegħu.
Irridu niftakru li dan kien ‘ghost writer’ għal Dr Adrian Delia. Niftakru wkoll li kif laħaq Dr Delia rajnih kemm-il darba d-Dar Ċentrali. Sirna nafu mill-qorti permezz ta’ Pierre Portelli li Manwel Delia ried jitħallas biex ikompli jikteb f’isem il-Partit.

Biex inkunu eżatti, sirna nafu li hu ma talabx flus għal dawk l-artikli li kien kiteb bħala ‘ghost writer’. Imma minn dawn l-affarijiet toħroġ ħaġa waħda, li Manwel Delia xtaq li jaqla’ l-flus minn fuq il-Partit għall-kitba tiegħu u ma offra lanqas paragrafu wieħed bħala voluntier.
Aħna n-nies tat-triq Nazzjonalisti nixtiequ nistaqsu kif dan il-bniedem qed jgħix, minn fejn qed jaqla’ x’jiekol u min qed jagħmel tajjeb għalih? S’issa għadna ma smajna u rajna mkien li dan il-bniedem qed jaħdem ma xi ħadd. Niftakruh fis-segretarjat ta’ Austin Gatt, b’mod tassew famuż għat-tgħaffiġa fenominali li għamel fl-investiment tal-Arriva.
Hemm żgur li kellu paga għaddejja u nimmaġina paga tajba wkoll. Nispera li ma marx jorganiżżalhom xi metodu ta’ trasport imma ma naħsibx li dik kienet imniżżla fis-CV tiegħu. Meta ġie lura Malta u wara l-mewt ta’ Daphne (RIP) fetaħ blog u ħaseb li ser jaqla’ x’jiekol minnu imma għarralu bil-kbir. Il-kummenti li jkollu tant huma miżeri li tgħid imma għalfejn jaħli l-ħin fuqu?
Ħaġa oħra li kontinwament nisimgħu fuqha hija il-fondazzjoni Daphne Caruana Galizia. Tidher li din il-fondazzjoni sejra tajjeb finanzjarjament. Imma Sur Manwel tista’ tgħidilna jekk qedx tieħu flus mingħand din il-Fondazzjoni?
Ħaġa oħra interessanti li nixtiequ nkunu nafu hija din. Tieħu flus mill-fond għal Media amministrat minn David Casa?
Kif għidt qabel, il-pinna tiegħek twasslek ħafna postijiet u qditek kemm-il darba biex wasalt għall-ħafna kalunji fuq ċertu nies. Issa għal darba għidilna l-verita fuq dawn il-mistoqsijiet. Kemm hija twila l-imgħarfa tiegħek?
Għandek okkażżjoni unika il-lejla biex tagħmel dmirek u tkun onest. Wara nispera li tuża l-pinna tiegħek biex tagħtina spjegazzjoni aktar dettaljata fuq dawn il-mistoqsijiet.