Għaliex Manuel Delia u Jason Azzopardi mhux qed jitkellmu aktar dwar Keith Schembri?

Blogpost minn osservatur politiku

Għad irrid nipprova nifhem il-loġika wara organizzazzjoni ta’ protesta minn Manwel Delia u sħabu. F’nofs pandemija bin-numri kbar u kbar ħafna għal gżira żgħira bħal tagħna, ngħajtu lin-nies biex jinġabru quddiem il-parlament biex jagħmlu ftit ħoss, għalija ma tagħmilx sens.  Qed ngħid dan għaliex Manuel Delia għajjar lilek Dr. Simon Mercieca li int theddida għas-saħħa pubblika għaliex ġibt persuni jitkellmu fuq il-programm tiegħek fuq il-Covid19.  Ma naqbilx ma’ dawn in-nies imma jien napprezza li inti tajthom spazju biex jesprimu ruħhom. Illum l-istess persuna li għajrek theddida għaliex tajt lil dawn in-nies iċ-ċans jesprimu ruħhom, sħabu qed jgħidu li għandu dritt demokratiku li jagħmel protesta. Verament nies ibiddlu d-diskors kif jaqbel lilhom.

Veru, qalulna biex josservaw ir-regolamenti. Imma dawn bis-serjeta’? Jekk verament jemmnu li din hija pandemija ma kienux jorganizzaw din il-protesta. Fuq kollox jekk verament jemmnu li n-numri qed jogħlew, ma kienux joħorġu n-nies fit-toroq.  Ara huma ma jibżgħux ixerrdu dan il-virus. Ara issa numru ta’ akkademiċi f’Tal-Qroqq ma tkellmux. L-anqas il-Ministru Fearne ma nissel kelma bħal ma pprova jagħmel kontra tiegħek Dr. Mercieca?  

U dan għalfejn? Biex forsi Manwel u xi ħadd minn sħabu jitla’ fuq il-pulptu u ikun jista’ jgħidilna ftit ċuċati. Ħa nagħmel stedina lil Manwel biex forsi apparti l-priedka maħsuba tiegħu jiċċaralna ftit xi affarijiet li min-naħa tiegħu huma misturin.

Mill-kitba tiegħu Manwel donnu għandu għażla preċiża lil min jgħajjar fil-kitba tiegħu. Għandu fissazzjoni kerha fuq Adrian Delia. Għadu mhux kuntent li hu u sħabu neħħewh minn Kap. Issa għandhom fissazzjoni oħra dik li ma jħalluhx ikun kandidat u dan biex jaġevolaw lil Beppe, li ovvjament huwa wieħed mix-xirka.

Nixtieq nistaqsi lil Manwel biex jgħidilna għaliex ma jużax l-istess attakk sfrenat fuq Keith Schembri? Kważi kważi flok tattakkah għalfejn qed tipprotiġih lil Keith? Dan għaliex tgħid? Ma jafx, bħalma jaf kulħadd, li Keith Schembri kien ir-ras tal-qarnita fil-gvern ta’ Muscat. Sur Manwel tiftakarha dik l-ittra famuża miktuba minn Schembri? Tiftakar x’kien fiha dik l-ittra Sur Manwel? Tgħid insejtha għax qatt ma tagħmel referenza għaliha? Ħa nfakkru ftit x’kien fiha dik l-istess ittra ħalli nġeddu l-memorja tal-ftit qarrejja tiegħek Sur Manwel?

Dik l-ittra, skond Yorgen Fenech, inkitbet minn Schembri. F’dik l-ittra kien hemm miktubin struzzjonijiet biex jiddawwar kollox u jindirizzaw bħala mandant lejn persuna oħra prominenti, Chris Cardona. Sur Manwel naħseb li taf li fl-artikli ta’ Jacob Borg tat-Times qatt ma semma’ li Rosianne Cutajar sabet ruħha allegatament fil-parlament. Taħseb li dan kien grazzi għal Yorgen Fenech jew għal grazzi ta’ xi ħadd prominenti f’Kastilja imma li mhux ex-Prim Ministru? Ara fuq dan il-fatt ħadd ma jagħmel investigazzjoni.

Imma barra minn hekk hemm ħaġa oħra nkwetanti li wieħed irid jirrifletti fuqha. Kull wieħed u waħda minna naqraw f’ċertu dettal dwar kull seduta li jkun hemm il-qorti li jirrigwardja lil Daphne Caruana Galizia. Jekk wieħed jaqra u jara b’ċertu dettal dak li għaddej f’dawn is-seduti jinduna b’ċertu affarijiet li jħassbuk.

Kulħadd jaf li Jason Azzopardi huwa l-avukat tal-familja Caruana Galizia. Tiskanta kif Jason donnu nesieh lil Keith Schembri. F’dawn l-aħħar seduti, minn dak li qrajna, Jason Azzopardi ma għamilx mistoqsija waħda li tirrigwardja lil Keith Schembri. Ma ninsewx li dan l-aħħar kellu saħansitra lil Melvin Theuma quddiemu u lanqas f’dik l-okkazzjoni ma’ saqsa xejn dwar Schembri. Lanqas biss semmieh darba waqt l-interrogatorju.

Bla ma trid titqanqallek ħafna kurżita’. Tgħid Dr Azzopardi daħal f’xi patt imxajtan ma nies li jirrapreżentaw lil Keith Schembri biex dan l-istess Schembri ma jissemmiex? Jiddispjaċini għal Dr Azzopardi imma wara dik il-gidba, fl-opinjoni tiegħi sagrilega, li nqeda’ bil-qabar ta’ Kristu biex jgħatti affarijiet oħra minn martu, jiena ma nista’ qatt iżjed nemmen lil Dr Jason Azzopardi. Mela wara din l-ereżija tal-qabar ta’ Kristu minn Dr Azzopardi nistenna kollox u allura ma nistax neħodha bi kbira li jidħol f’xi patt ma’ xi ħadd. Forsi anke hawn is-Sur Manwel Delia jista’ jitlob spjegazzjoni tanġibbli, minn għand Jason Azzopardi ħabib intimu tiegħu, li nistgħu naċċettawha bħala veritiera għaliex ma għadux jinterressah l-involviment ta’ Keith Schembri. Mela jekk il-lejla ssir din l-imbierka protesta, kontra kull loġika medika, jista’ jillumina wkoll lil Maltin u l-Għawdxin b’ dawn l-affarijiet ukoll. Hekk jew b’hekk meta jitkellem wieħed minn din ix-xirka, hu min hu, qisu qed jitkellem f’isem kulħadd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *