Prosit lill-Maġistrat Joe Mifsud: għal darba oħra l-pulizija toħroġ zoppa fil-qorti

Naħsab l-aktar aħbar importanti li kellna din il-ġimgħa kienet mill-qorti. Din kienet tikkonċerna l-kawża li fetħet il-pulizija kontra sidien tad-double-decker li kien involut f’inċident li wassal biex mietu persuni barranin li kienu għal żjara f’Malta. X’niskopru? Insiru nafu mill-qorti li l-pulizija ma pproċeditx kontra dawk is-sidien fi żmien stipulat, b’hekk dawn il-fatti attribwiti lill-akkużati ġew preskritti. Ir-raġuni li nġabet mill-pulizija kienet li l-istess pulizija kienet qed tistenna t-tmiem tal-inkjesta u dak li ssejħu “pariri ulterjuri”. Interessanti inkun nafu min kien dan l-individwu jew individwi li mingħandhom il-pulizija kienet  qed tistenna dawn il-pariri interjuri. Nisperaw li ma jkunx xi wieħed li applika biex isir imħallef!

Dan hu dak kif The Times irrappurtat din l-aħbar.

Jien ngħid prosit lill-maġistrat Joe Mifsud li wera li mhux ser iħalli lill-pulizija tagħmillu bżieq fuq imnieħru. Il-Maġistrat Mifsud fakkarhom fiċ-ċirkulari li kien ħareġ l-assistent kummissarju Mario Spiteri fejn fiha kien qal li l-uffiċjali prosekuturi għandhom imexxu bil-qorti kontra persuni, anki jekk inkjesti dwar il-każ li huma involuti fihom ma jkunux ġew magħluqa. Din iċ-ċirkulari kienet ħareġ qabel dan il-każ. Tmur lura għall-2015. Spiteri kien ħareġ din iċ-ċirkulari biex tkun evitatata l-preskrizzjoni, speċjalment jekk il-pulizija jkollha ġa f‘idejha provi li tkun tista’ tmexxi bihom anki jekk il-maġistrat ma jkunx għadu kkonkluda l-inkjesta tiegħu. Din hija ċ-ċirkulari li ħarġu l-pulizija.

Mela l-mistoqsija tiġi waħidha? Għala hawn il-pulizija ma mexxitx? Taf x’naf li fejn trid il-pulizija malajr tmexxi. Fejn trid, mhux biss l-ispettur jidher fil-prosekuzzjoni, imma anki supretendent, jidher miegħu. Dan seħħ matul din il-ġimgħa f’każ ferm inqas gravi minn dan fejn fih hemm persuni li spiċċaw mejta.

Fuq kollox, nista’ nkun naf x’passi qed tieħu l-pulizija jew Transport Malta biex tassigura li d-Double deckers ikunu kollha konformi mal-liġi fejn jingħad ċar u tond, li t-tieqa ta’ fuq tad-Double deckers trid tkun mhux inqas minn 125 cm għoli? Infakkar li l-għoli ma jistax jiġi kkalkulat mill-art, kif jidher li qed jiġri issa, iżda jrid jitkejjel minn fejn twaħħal is-seat.

Hawn qed inġib ir-regolamenti ta’ Transport Malta dwar dan il-fatt.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *