Fil-Partit Nazzjonalista għad hemm ħafna nies imweġġgħin
Illum Bernard Grech ser ikun Ħaż-Żabbar biex jitkellem mal-partitarji Nazzjonalisti. Infakkar li dan kien sejjer ġimagħtejn ilu u ħassar iż-żjara tiegħu f’din il-lokalita’ minħabba l-biża’ li Adrian Delia kien ser ikun hemm. Dak li llum jinteressa lil numru ta’ partitarji huma l-weġgħat u l-feriti li għadhom miftuħin. Nispera li jitkellem dwarhom Dr. Grech.
Jingħad x’jingħad, fil-Partit Nazzjonalista għad fadal ħafna nies imweġġgħin. Għad fadal ħafna nies li qed isibuha diffiċli li jaċċettaw il-mod viljakk ta’ kif tneħħa l-Kap ta’ qabel Dr Grech u l-fatt li l-attakki fuqu għadhom għaddejjin. Għad fadal ħafna partitarji li għadhom ma jistgħux jifhmu kif il-vot ta’ eluf ta’ tesserati fl-2017 ġie mitfuħ taħt it-tapit.
Għad hemm ħafna tesserati u anke oħrajn li qatt ma kienu tesserati, li għad ma jistgħux jifhmu kif ftit ribelli u oħrajn li jissimpatizzaw magħhom insew li l-Partit Nazzjonalista hu partit demokratiku. Allura għadhom ma jistgħux jaċċettaw kif elezzjoni demokratika ġiet imkassbra b’dak il-mod. Ħafna partitarji għadhom imweġġgħin u diżgustati, almenu kif jidher minn kummenti diversi fuq facebook, li l-grupp ta’ parlamentari hekk imsejħa ribelli, ma taw ebda prova konkreta fuq l-affarijiet malafamanti li xerdu tul it-tlett snin ta’ tmexxija ta’ Dr Adrian Delia.
Nafu b’diversi parlamentari, kandidati u tesserati li ma vvutawx għal Dr Delia għax emmnu n-narrattiva ta’ Jason Azzopardi fuq iċ-chats li qal li ser jippubblika f’Ottubru li għaddew bejn Delia u Yorgen Fenech. Dawn qatt ma ħarġu. Imma Azzopardi ser jibqa’ imsemmi fl-istorja tal-Partit u anke dik Nazzjonali li uża mossa maħmuġa u premeditata biex jaħsad ras il-Kap tiegħu. Dawk kollha li emmnuh jistgħu jqisu lilhom infushom bħala mzazen li ma jafux jgħarfu politiku onest minn wieħed falz.
Infakkar lil Jason Azzopardi li c-chats li ġew ippubblikati llum fis-Sunday Times bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech ma humiex ta’ natura politika u wisq anqas jikkonċernaw lil Adrian Delia. Huma cħats ta’ natura personali. Biss meta wieħed jibda’ jikkummenta fuq il-ħajja personali ta’ Azzopardi, dan ma jiddejjaqx imur għand il-Kummissarju tad-Data.
Issa dawn l-istess nies li kissru lil ex-Kap għadhom ma saqajn Dr Grech. Dan s’issa għadu qatt ma lissen kelma dwar il-konġuri u konfoffi li kien hemm sa ftit xhur ilu. Ninsab żgur li llum mhu ser jgħid xejn fuq dan ġewwa Ħaż-Żabbar. Dan għadu qatt ma ċaħad li biex ġie mneħħi Dr Delia ntużaw tattiċi tal-iktar livell baxx u moqżież. Issa dan għal kuntrarju meta jitkellem ma’ partitarji li ma jaqblux ma dak li ġara jgħidilhom il-famuża frażi “li kien kien u li sar sar” li huma kliem offensivi ħafna.
Dr Grech, min ser jinsa dik il-ħdura kollha li ħarġet minn fomm klikka ta’ ribelli biex għamlu ħsara lil Kap tagħhom, lill-Partit Nazzjonalista u lill-pajjiż għax żarmaw is-saħħa tal-oppożizzjoni li huwa organu tant importanti fil-kostituzzjoni ta’ Malta? Kif jista’ xi ħadd jinsa dawk il-gideb kollha li ntqalu u li għad ma għandna ebda prova tagħhom? Dr Grech int tħobb tgħid li taħt it-tmexxija tiegħek ma inti ser tħares lejn wiċċ ħadd. Mela dur fuq sħabek li qalgħu u xerrdu dawk il-kalunji kollha fuq Dr Delia, għidilhom jagħtuk il-provi u xandarhom u hekk jieħu kulħadd dak li ħaqqu. Sallum, għadu ma ħareġ xejn.
Imma Dr Grech, jekk jibqgħu ma jagħtuk xejn imbagħad tkun trid tieħu azzjoni kontra dawk il-giddibien li tant għamlu ħsara, apparti lil Dr Delia, l-aktar lil Partit. Il-ħrejjef tieħu pjaċir taqrhom. Il-praspar tiggusthom. Id-diskors tanalizzah. Il-gidba tinqabad għax joħorġu provi kontriha. Imma meta xi ħadd jgħid nofs gidba, li allura ma jkunx hemm provi biex tiġi emmnuta jew provi biex tiġi skartata, din tagħmel ħafna aktar ħsara.
Mela min xerred dawn il-ħafna nofs gidbiet u ma tana ebda prova, ukoll irid jgħaddi minn skrutinju dixxiplinarju jekk il-Partit Nazzjonalista jrid juri li hu serju. Nistennew u naraw Dr Grech jekk tgħożżx is-serjeta fit-tmexxija tiegħek għax kif jgħid it-taljan “tra il dire e il fare c’e’ di mezzo il mare” jekk mhux l-oċejan ukoll. Allura kif spjegajt qabel hemm bżonn jinqata’ il-kliem “li kien kien u li sar sar”.
Ma’ din il-frażi Grech qed ixerred frażi oħra “ejja ħa naħdmu”. Imma dan bis-serjeta’? Jien nispera, nawgura, nissuġġerixxi li Dr Grech din l-aħħar frażi jgħidha f’xi priedka minn tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd. Forsi jaqtali xewqti u jgħidha llum f’Ħaż-Żabbar. Qed ngħid dan għax tkun it-tieni frażi li qed jemmen fiha li ma tagħmel ebda ġid. Dr Grech taf x’għamlu l-partitarji Nazzjonalisti tul ħajjithom? Fejn kont int meta dawk in-Nazzjonalisti kollha mlew il-fosos fl-2013 u l-2017? Taħseb li dawk kienu qed iġorru l-bandiera għal gost li jġorruha jew għax kienu qed jagħmlu ħilithom biex jiddefendu d-demokrazija ġewwa pajjiżna?