Where your opinion counts

Skont Claudette Buttigieg, l-uniku nkwiet għall-anzjani hija l-pandemija

Illum, il-Ġimgħa 26 ta’ Frar 2021 il-Partit Nazzjonalista għamel konferenza stampa u l-kelliema, Dr Stephen Spiteri u Claudette Buttigieg, indirizzaw lill-ġurnalisti preżenti u lill-poplu ġenerali. Kien ta’ pjaċir li tisma’ lil Dr Spiteri jispjega, b’mod xjentiku imma li jifhmu kulħadd, dak li aħna għaddejjin minnu bħalissa.

Claudette Buttigieg tkellmet ukoll fit-tul imma ħin minnhom ħassejt li għamlet żball kbir. Nispera li kien lapsus. Claudette Buttigieg qalet li mit-telefonati li qed tagħmel, peress li minħabba raġunijiet personali mhux qed tmur tagħmel house visits, qalet li l-anżjani għandhom “inkwiet kbir, ewlieni u uniku li hija l-pandemija. M’huma nkwetati fuq xejn daqs kemm huma nkwetati fil-pandemija”.

Naqbel li l-anżjani huma nkwetati ħafna fuq il-pandemija u tassew għandhom għalfejn. Imma li tgħidilna li l-anzjani l-unika nkwiet li għandhom hija l-pandemija hija daqsxejn bogħod mill-verita’. Ms Buttigieg jaqaw meta jkunu qed jitkellmu sħabek fil-parlament, meta inti għal ħafna ħin tkun qiegħda bil-qiegħda fuq is-sedja tal-ispeaker, possibbli ma tagħtix każ ta’ dak li jkunu qed jgħidu?

Ma tantx ser nieħdok il-bogħod. Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Frar, jiġifieri jumejn ilu, Ivan Bartolo għamel diskors fejn tkellem dwar il-faqar fil-pajjiżna li laħaq għal 90,000 elf ruħ u l-effett ikrah li qed ikollu speċjalment fuq l-anzjani tagħna. Tkellem ukoll fuq is-solitudni li ħafna anzjani għaddejjin minnha bħal issa. Sieħbek fil-parlament, li naħseb ukoll qed iżomm kuntatt kontinwu mal-anzjani, ma qalx li l-anzjani huma nkwetati biss fuq il-pandemija.

Naħseb kieku s-Sur Bartolo kien ċert minn dan, kien jagħmel id-diskors tiegħu fuq il-pandemija u kien jipprova jixpruna lill-Gvern biex jgħaġġel iżjed jew jieħu azzjonijiet aktar favur it-tilqim, biex nieħdu dan bħala eżempju.Jew inkellha jieħu pożizzjoni oħra. Possibbli Sinjura Buttigieg li t-telefonati kollha li tagħmel mal-anzjani ma sibtx min qed ibati biex iwassal sal-aħħar tax-xahar, ma sibtx anzjani li għandhom problema biex jixtru l-mediċini meħtieġa li ma jistgħux iġibuhom mill-POYC, possibbli li ħadd ma qallek fuq kemm qed iqattgħu ħin waħedhom u jħossuhom ser jiġġennu, possibbli ħadd ma qallek kemm qed jieħu pjaċir jitkellem miegħek u tinduna li qed jipprova jżommok bil-kliem biex it-telefonata titwal għax hemm xi ħadd li qed jkellmu, possibbli li ħadd mill-anzjani ma qallek li anke li ma jmorrux sal-knisja biex jisimgħu quddiesa qed tħalli effett ħażin fuqhom għalkemm għandhom il-kumdita tat-television.

Imma possibbli li kull anzjan u anzjana tkellmu biss fuq il-pandemija. Jekk hu hekk ikolli nikkonkludi li l-anzjani fid-distrett fejn ser tikkontesta nżertaw kollha ekonomikament stabbli, imdawwrin bil-familjari tagħhom jew għandhom kumpanija kontinwa u għalhekk mhux iħossuhom waħedhom u fuq kollox jinsabu b’saħħithom fiżikament.

Imma jidhirlek li titwemmen meta tesprimi dawn l-opinjonijiet? Imma taħseb li lill-anzjani tkun qed tagħmlilhom xi ġid meta tkellem b’dan il-mod? L-anzjani taw sehemhom għal pajjiżna. Ħadmu kemm felħu għall-ġid tagħna u tal-familja tagħna. Issagrifikaw ħafna għall-pajjiżna. Għamlu dak kollu li kien mitlub minnhom. Imma ma tistax tikkonsidrana li huma qed inbagħtu biss għax tfaċċat il-pandemija.

Mela kif qed titkellem int, Sinjura Buttigieg, l-anzjani illum komdi u kienu komdi qabel il-pandemija u li kieku ma hawnx il-pandemija għaddejjin fil-kumdita’. Le Sinjura Buttigieg, l-anzjani għandhom ħafna problemi barra l-pandemija. Kull ma għamlet il-pandemija huwa li mmultiplikathom b’ħafna. Daqsxejn aktar sensittivita’ ma tagħmel ħsara lil ħadd anżi tagħmel ħafna ġid lil kulħadd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *