Il-kummissarju tal-pulizija rabat ix-xhieda b’li qal?
Dalgħodu, b’kumbinazzjoni, dawn is-sorsi tal-aħbarijiet, jiġifieri, The Times, Malta Today u Net kollha tkellmu dwar l-istess storja: irrappurtaw li Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, kien implika lil Chris Cardona fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Inħallu għal mument li din hija storja riċiklata. Min kien qed isegwi s-social media, fosthom Facebook, il-bieraħ dehru stejjer oħra riċiklati marbuta ma’ dan il-fatt. Infakkar li fl-imgħoddi, Vince Muscat kien issemma minn Jason Azzopardi u Azzopardi qal li Muscat jaf storja dwar politiku ieħor tal-Gvern Laburista marbut ma’ holdup li sar fuq bank. Qed ngħid dan għaliex l-affarijiet ma huma ċari xejn.
Biss dak li laqgħatni lili personalment huwa il-fatt li ġej. Jien il-bieraħ ktibt li l-Kummissarju tal-Pulizija ta konferenza stampa fejn fiha qal li issa dawk kollha involuti f’dan id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia ġew arrestati. Qal li ġie arrestat il-mandant, jiġifieri Yorgen Fenech. Ġew arrestati dawk li qegħdu l-bomba, jiġifieri l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat il-Koħħu. Magħhom inqabad il-Middleman, Melvin Theuma. Issa inqabdu min tahom l-isplussiv, jiġifieri l-aħwa Agius tal-Maksar u Jamie Vella. Qal ukoll li s’issa ma hemm l-ebda politiku mplikat. Mela skont dan il-kwadru li ta l-Kummissarju tal-Pulizija, kollox jinsab magħluq.
Tajjeb ħafna. Illum ittellgħu dawn l-istejjer fejn għal darba oħra qed ikunu mplikati politiku. X’ser jagħmel issa l-Kummissarju tal-Pulizija? Issa b’dak li qal il-Kummissarju, ħafna mill-kamp kriminali qed jintrepretawh, li l-Kummissarju rabat idejn lill-prim investigatur u anki x-xhieda b’dak li jridu jgħidu.
