Il-Ħaddiema barranin, Jason Azzopari u l-ipokrezija politika

Il-Ministru tal-finanzi Clyde Caruana fil-parlament qalilna li f’Settembru 2020 f’pajjiżna kellna kważi 70,000 ħaddiem barrani reġistrati ma’ JobsPlus. 38,406 kienu nies ġejjin minn postijiet tat-tielet dinja, waqt li 31,513 ġejjin minn pajjiżi Ewropej. Minħabba f’hekk il-popolazzjoni Maltija qabżet il-500,000. Dan ifisser li 25% tal-popolazzjoni Maltija huma ħaddiema barranin.

Rajna żieda ta’ ħaddiema barranin fuq l-2019 bl-aktar żieda qawwija ta’ 7000 ħaddiema minn pajjiżi tat-tielet dinja. Infakkru wkoll li l-Ministru Caruana fl-2014 kien il-bniedem li fassal il-politika tal-gvern dwar ix-xogħol. Din wasslet għal influs qawwi ta’ ħaddiema barranin u żieda sostanzjali ta’ Maltin li rritornaw fuq il-lant tax-xogħol. Din is-sena, jiġifieri fl-2021, l-istess Caruana vara proċess biex jintroduċi politika differenti dwar ix-xogħol. Huwa qed jistaqsi lil kull min hu nvolut jekk għandiex tiddaħħal kwota fuq in-numru ta’ ħaddiema barranin.

Apparti minn hekk, semma wkoll li Jobsplus qed tinforza dixxiplina u żżur diversi ndustriji, mingħajr preavviż, biex tara jekk ikun hemmx ksur tal-liġi minn min iħaddem. Nistennew u naraw x’ser jiġi nkluż fil-politika ġdida li ser idaħħal dan il-Ministru.

Irridu niftakkar li kull meta kien hemm xi ħadd li pprova jagħmel mistoqsijiet dwar dan kien jiġi mgħajjar razzist. Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kien ikkummenta fuq din il-politika u kien qal li l-influs ta’ dawn il-ħaddiema barranin kien qed ikollu effett ħażin fuq il-pagi ta’ numru ta’ ħaddiema Maltin. Niftakru kemm minn beda jistaqsi fuq dawn l-affarijiet kien jiġi mgħajjar rażżist.

Issa qed naraw li l-Ministru Clyde Caruana qed jagħti raġun lil dawk li kien jagħmlu mistqosijiet dwar din il-politika ta’ importazzjoni ta’ ħaddiema lejn Malta. Issa l-Ministru Caruana qed jikkontempla li jdaħħal il-kwoti u Jobsplus ġiet ordnata li jaraw li kull min jimpjega jara li qed jimxu mal-liġi u li l-ħaddiema qed jitħallsu kif inhi xieraq u sewwa.

Biss dak li laqatni fuq livell politiku huwa li issa għandna ammissjoni wkoll tal-aktar parlamentari qaddis li għandha fil-parlament Malti, Jason Azzopardi, li mar fuq il-qabar ta’ Kristu. M’alla kienet din iż-żjara għaliex jidherli llumina ruħu tant li anke hu issa qed jagħti raġun lil dawk li bħal Dr Delia u oħrajn li kienu jitkellmu kif jitkellmu fuq il-politika tal-immigrazzjoni.

Irridu niftakru li issa Azzopardi ma għadux il-kelliem tal-ġustizzja għaliex issa hemm l-ex-ħabib tiegħu Karol Aquilina. Azzopardi jieħu ħsieb dan is-settur. Issa Azzopardi spiċċa jixxedowja l-JobsPlus.

L-istess Azzopardi kellu jistaqsi lill-Ministru Caruana kemm huma l-barranin f’Malta. Dażgur! Għax issa li rnexxielu jtajjar lil Adrian Delia u għandu bżonn ukoll jidher li qed jiġġieled biex forsi jiġbor xi erba’ voti. Allura bilfors irid jibda jitkellem favur il-ħaddiema Maltin. Jason Azzopardi tista’ tkun ipokrita iżjed minn hekk.

Issa ser jagħmel Azzopardi? Ser jitlob apoloġija lil Dr. Delia u lil dawk kollha li ġew mgħajra razzisti talli tkellmu fuq din is-sitwazzjoni u l-problemi li numru ta’ ħaddiema Maltin sabu ma wiċċhom?

Veru li ż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma.

Leave a Reply