Il-Kummissarju tal-Pulizija parla żżejjed

Il-bieraħ saret konferenza tal-Aħbarijiet. Fiha l-kummissarju qal li l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia solvut u kull min hu nvolut inqabad u qiegħed arrestat jew kif kien hemm min saħansitra rraporta, qiegħed il-ħabs. Hu kompla qal li ma hemmx politiċi involuti.

Mhux ser nidħol fil-mertu jekk dan hux minnu jew le. Biss jidher ċar li l-kummissarju parla żżejjed. Għaliex qed ngħid dan.

L-ewwel anki jekk il-kummissarju jemmen li ma hemmx politiċi involuti xorta ma kontx ngħidha. Il-kummissarju ma jafx ser jinġib bħala xhieda. Forsi tinġib xhieda li fiha jingħad li hemm politiċi involuti. Dak li qed jingħad huwa li wieħed minn dawk arrestati huwa kanvasser ta’ politiku prominenti mill-kamp Nazzjonalista. Ma jfissirx li dan il-politiku huwa involut. Qed insemmi dan il-punt biex ngħid għala ma kontx ngħidha. Imbagħad hemm min qed jgħid li hemm politiċi mill-kamp Laburista jew nies qrib tagħhom.

B’li qal, il-kummissarju ta’ x’jifhem li qed jgħatti għall-politiċi. Issa ser jagħmel jekk jinstab li hemm politiċi nvoluti?

Fuq kollox, ħadd għadu jaf kif ser jixhdu, jekk jaċċettaw li jixhdu l-akkużati. U jekk isemmu politiċi, ser jagħmel il-kummissarju tal-pulizija? Ser jgħid li dawk qegħdin jigbdu.

Infakkar li l-istess pulizija u anki fil-qrati, Yorgen Fenech ġie definit bħala ko-mandant. Issa l-kummissarju qed jgħid li ma hemmx mandanti oħra. Mela għala Yorgen Fenech ġie definit bħala ko-mandant u mhux il-mandant?

Dan juri t-taħwid li hemm mill-pulizija marbut ma’ dan il-każ. Imbagħad hemm min għajjarni li jien “conspiracy theorist”! Biss dak li ħareġ mill-konferenza stampa kien li issa, skont il-Kummissarju tal-Pulizija, l-akkużati kollha nqabdu.

Mela issa ma għandux ikun hemm raġuni għala Yorgen Fenech jibqa’ jinżamm arrestat. Infakkar li waħda mir-raġunijiet li nġabet kienet li Yorgen Fenech jista’ jinfluwenza lix-xhieda jew l-investigazzjoni.  

Leave a Reply