Il-pjan tar-ribelli huwa li ma jħallux lil Adrian Delia joħroġ fl-elezzjoni li ġejja

Manwel Delia jinsab f’dilemma kbira u qed taqbiżlu għax Dr Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li poġġa hu u sħabu, għadu ma għamilx dak li jidher li kien miftiehem meta resquh biex jidħol għat-tiġrija tal-Kap. Jidher li waħda (fost ħafna) mill-kondizzjonjiet miftiehma ma’ Dr Grech kien hemm dik li Dr. Adrian Delia ma jitħalliex jikkontestax l-elezzjoni li ġejja. Dan l-aħħar qrajna, kemm hu veru ma nafx, li is-“seventeen heroes” qed jerġgħu jiltaqgħu. Id-diċerija li ħarġet kienet li qed jaħsbu lil min ser ipoġġu minflok Dr Bernard Grech. Ma tantx tinżilli. Tinsewx li dan il-grupp ta’ ribelli, mingħalihom eroj, l-għan prinċipali tagħhom kien li jqalftu lil Adrian Delia. Dak irnexxilhom. Imma issa l-mira tagħhom laħqet livell ieħor.

Huma jridu li Adrian Delia ma jkunx kandidat fl-elezzjoni li ġejja. Dan mill-ewwel ġurnata ma niżżlilhomx sa griżmejhom. Ir-raġunijiet huma varji għax kull membru parlamentari għoġbu jingħaqad ma’ narrattiva differenti. Naf b’deputati li vvutaw kontra Adrian Delia minħabba l-famużi chats ma’ Yorgen Fenech. Illum qed jirrealizzaw kif u kemm għaddihom biż-żmien dak li mar fuq il-qabar ta’ Kristu. Hemm raġunijiet oħrajn li mhux ser nidħol fihom illum. Il-ħsieb ta’ din il-kitba hija l-idea li għandhom dawn ir-ribelli li ma jħallux lil Adrian Delia joħroġ bħala kandidat. M’għandhomx għalfejn jiltaqgħu b’mod sigriet għax il-poplu diġa jafu. Ċertu media ġa qed tagħtihom palata. Dawn iridu akkost ta’ kollox ikeċċuh mill-Partit Nazzjonalista.

Il-problema li għadhom hija din. Huma jistgħu jippruvaw, jistinkaw, jikkonfoffaw u jagħmlu ħilithom, saħansitra jheddu lil Dr Grech, imma jridu jagħtu importanza kbira lejn ir-reazzjonijiet li ser ikun hemm għall-azzjonijiet tagħhom. Bniedem għaref u rispettat qalli li l-bniedem jagħmel azzjoni f’temp qasir ħafna imma r-reazzjonijiet għal dik l-azzjoni li jkun għamel jinżlu miegħu fil-qabar.

Mhux qed jindunaw dawn li b’azzjoni bħal dik jistgħu jaqsmu l-Partit? Qed jirriflettu li b’deċizzjoni bħal dik tista’ twassal għal numru kbir ta’ nazzjonalisti li ma jivvutawx? Qed jippruvaw jifhmu li jekk jaslu biex jagħmlu dak il-pass ħafna votanti Nazzjonalisti jistgħu jivvutaw Labour? Qed jirrealizzaw li saħansitra hemm għażla oħra, dik li jkun hemm numru kbir li jivvutaw partit ieħor u wara jkomplu bin-numru tnejn u forsi jaslu sa tlieta għal kandidati li ma jriduhomx ibatu? Jafu dawn in-nies li eluf ta’ votanti fl-elezzjoni li ġejja (xi ħaġa li ser issir għall-ewwel darba) ser jagħmlu block vote? Qed jindunaw li dan il-block vote ser ikun fuq kull distrett?

Għax naf, anżi ċert, li jekk ikomplu b’din l-ideja li għandhom, il-Partit Nazzjonalista ser jitkisser.  Qed nikteb għaliex verament nixtieq ġid lill-Partit Nazzjonalista. Dawn għandhom moħħhom imċajpar. Il-Partit qatt ma rawh bħala post ta’ tmexxija ta’ ideal, iżda mezz kif jistgħu jakkwistaw xi ħaġa. Jekk qed jaħsbu li ħafna Nazzjonalisti ġenwieni ser jinsew, jew diġa nsew, x’għamlu dawn ir-ribelli f’dawn l-aħħar tlett snin ser għarralhom. Dawn mingħalihom li n-narrattiva ta’ Dr Grech, “li kien kien u li sar sar” hija s-soluzzjoni għal dak li għamlu. Biss qed jiżballja bl-ikrah.

Dawn jaħsbu li jistgħu jagħmlu dik il-ħsara kollha u l-votant nazzjonalist ser jinsa daqshekk malajr? Jekk qed jaħsbu li ż-żmien huwa l-mediċina għall-uġigħ li ħolqu dawn ir-ribelli għandhom żball kbir u qed jaraw sa mnieħirhom.

Leave a Reply