Il-Partit Nazzjonalista irid jirrikonċilja ma’ Franco Debono u John Dalli fost l-oħrajn.
Irċevejt dan il-messaġġ minn persuna li ssegwi dan il-blogg.
Prosit tal-blogg li tellajt bl-isem “Li kien kien u li sar sar”:. Nixtieq ngħidlek li naqbel miegħek.
Il-problema tal-qasma fil-PN hija aktar kbira milli kienet fil-Partit Laburista. Għal kontra ta’ dak li ġara fil-Partit Laburista, l-establishment fil-Partit Nazzjonalista wża l-għodda tal-istat, bħall-pulizija, il-qrati, kummissarji tad-dejta etċ. kontra l-istess nies tiegħu. Il-Partit Laburista ma wżax dawn it-tip ta’ tattiċi. B’hekk il-weġgħa fil-PN hija iktar fonda.
Meta Joseph Muscat għamel l-ewwel laqgħat ta’ rikonċiljazzjoni, stieden nies bħal Joe Grima, Maria Camilleri u saħansitra re-integra nies bħall-familja tal-Prim Ministru Robert Abela. Ma bbażax din ir-rikonċiljazzjoni fuq intermedjarji. Għamilha huwa stess.
Barra min hekk, Alfred Sant u sħabu. minkejja xi ftit għajjat ‘l hawn u ‘l hemm, qatt ma waslu li għamlu dak li għamlu l-establishment tal-PN lill-avversarji tagħhom fl-istess partit.
B’hekk, jekk fil-Partit Nazzjonalista mhux ser ikun hemm rikonċiljazzjoni ma’ nies li telqgħu mill-partit, fosthom Franco Debono u John Dalli, il-Partit Nazzjonalista mhux ser jieħu r-ruħ. Il-PN irid ikollu l-kuraġġ jistidinhom u jiskuża ruħhu magħhom biex forsi jersaq lejn il-gvern. Fuq kollox irid jieqaf jwaqqa’ għaż-żuffjett min jagħmel dawn it-tip ta’ proposti.
Il-PN irid ikollu l-kuraġġ jistiden u jiskuża ruħu ma’ numru ta’ nies minn tiegħu li marru fuq in-naħa l-oħra biex forsi jibda jersaq lejn il-gvern.
Il-PN ma jridx jiddiludi ruħu minn xi survey li jsir li jagħtih l-impressjoni li riesaq lejn xi rebħa. Anzi nazzarda ngħid, x’se jiġri fix-xenarju politku Malti f’żmien għaxar snin. Jiġifieri f’Malta ser jiġri bħal ma ġara fir-Renju Unit dan l-aħħar. Fl-elezzjoni li jmiss, id-distakk ħa jonqos waħda sew bejn iż-żewg partiti u l-PN bħalma ġralu l-Partit Laburista Ngliż taħt Corbyn u b’hekk il-PN jaħseb li jista’ jibqa’ miexi kif miexi.
Fil-verita’ ħa jkollok ħafna partitarji Laburisti mweġġgħin illi f’għajnejhom, il-gvern ta’ Robert Abela tbiegħed sew mill-gvern ta’ Joseph Muscat, u tgħid x’tgħid il-midja indipendenti, f’għajnejn ħafna nies, Joseph Muscat huwa eroj tal-Partit Laburista.
Jekk ir-riżltat ikun hekk, iċ-ċans ikun li l-Prim Laburista jerġa’ jinbidel f’nofs leġiżlatura u l-Prim Ministru Laburista il-ġdid jkun, ħa npoġġiha hekk, iktar ħanin mal-legat ta’ Muscat. Fi kliem ieħor, jiġri bħal ma ġara fir-Renju Unit wara li Johnson laħaq flok Theresa May.
Imbagħad jerġa jkollok elezzjoni bikrija u l-Partit Nazzjonalista jaqla’ l-ikbar tkaxkira fl-istorja tiegħu.
Ovvjament l-affarijiet jistgħu jmorru differenti, imma hekk naħseb ħa jiġri jien.