David Casa u l-evanġelu skont Daphne Caruana Galizia
Nhar l-Erbgħa li għadda, David Casa kiteb artiklu fuq in-Nazzjon fejn fih ta stampa, li kważi kważi, il-pajjiż għandu gvern nazzjonalista wara l-kantuniera. Fakkarna li fi żmien Simon Busuttil kien il-Partit Laburista li attakka kemm felaħ lil kap tan-Nazzjonalisti ta’ dak iż-żmien. X’jippretendi Casa li jħalluh b’xejn u ma jxandrux ma’ kullimkien li l-Partit Nazzjonalista kien spiċċa tilef ruħu u sar jitkellem fuq dak li kienet tikteb ġurnalista u wara mewtha baqa’ jaqra’ min-narrattiva tagħha. X’kien jistenna Casa li l-Partit Laburista joqgħod gallarija u jinsa’ dak kollu li kienet kitbet u li Busuttil kien jemmen kull kelma li tikteb?
David Casa bidel l-adorazzjoni tiegħu u saħansitra biddel isem l-evanġelisti għax baqa’ jemmen biss l-evanġelju skont din il-ġurnalista. Sirna nafu l-ħbiberija li kien hemm bejnu u bejn Daphne u stajna nifhmu wkoll għaliex kien qed jimxi fuq dik in-narrattiva. Kien jaqbillu jimxi fuqha għax hi kienet ħalfet li tattakka lil Joseph Muscat ma’ kull pass li jagħmel. Kemm kien sabha komda Casa li jkompli fuq l-istejjer li kienet tikteb għax kellu pjattaforma faċli għalih li jirrepeti li tikteb hi u jidher sabiħ man-nazzjonalisti għax qed jattakka lill-Prim Ministru.
David Casa nesa jfakkarna fit-tkaxkira li qala’ Simon Busuttil mingħand Joseph Muscat fid-dibattitu televiżiv qabel l-elezzjoni tat-2017 li serva biex saħħaħ ħafna iżjed il-vot favur il-Labour. Nesa jgħidilna kemm il-ġurnalista ttamat lin-Nazzjonalisti u Casa kien ixerred dik it-tama li l-pajjiż kien ser ikun jaf ta’ min hi Egrant. Nesa jgħidilna li ħafna nazzjonalisti qalbu l-vot għax dan is-sigriet ta’ Fatima baqa’ ma xxandar qatt u l-partit tilef ħafna iżjed minħabba dik il-ħrafa. Nesa jgħidilna li dak li emmen fih hu u l-kap tiegħu, dak li xandret il-ġurnalista wassal biss biex it-tkaxkira li qala’ l-Partit Nazzjonalista kienet akbar. Mhux billi joqgħod jipprova jġibilna qalbna ġunġliena li jaħasra kienu jattakkaw lil Simon Busuttil għax kien mogħmi fuq linja waħda u nesa lill-partit warajh.
Wara li ġie sfiduċjat bil-goff Busuttil, x’għamel Casa għal ġid tal-Partit? Barra li rikeb fuq il-karru tal-istess ġurnalista, li nafu li ħalfet ukoll li teqred lil Delia, ingħaqad mal-Partit Laburista u rama jattakka anke hu lill-istess kap tiegħu. Jekk qatt kien tiegħu. Għax iżjed naħseb li kkoppja lill-ħabib tal-qalb tiegħu, Beppe Fenech Adami u qal li Adrian Delia ma kienx il-Kap tiegħu. Tiftakru jissemma min-nazzjonalisti bħalu li kien ikun f’dagħdija, fil-grupp parlamentari, jgħajjat kemm jiflaħ ‘barra barra’ b’riferenza għal Adrian Delia. Jekk trid il-ġid tal-Partit u tkun kredibbli, kun sinċier għal darba u għidilna fejn kont tafu lil Adrian Delia, x’qatt għamillek Delia lilek, għaliex qatt ma ridtu, għax qatt ma qbilt mal-mod ġdid li ried jintroduċi, li int u sħabek ma ħallejtuhx.
Issa l-Partit tiegħu sab il-bakketta maġika u qed iżid kuljum fil-popolarita’ bis-saħħa ta’ Bernard Grech. L-ewwelnett, biex għal darba oħra tkun kredibbli, għidilna int lil min ridt fit-tmexxija tal-Partit? Għidilna jekk hux veru li int kellek taċċetta lil Grech la x-xitan ried hekk? Għidilna x-xogħol li qed tagħmel int fuq livell lokali? Għidilna jekk hux veru li int u l-kardinal ma tarawx għajn m’għajn u hux veru li qed iġġibu lil Bernard Grech f’pożizzjoni diffiċli għax tridu t-tnejn li tgħaddi tagħkom? Għidilna kemm min-nies tiegħek bħala MEP tfajthom id-Dar Ċentrali? Għidilna jekk hux veru li tfajthom hemm biex issibhom f’posthom meta ssir Segretarju Ġenerali?
Jaħasra kemm qed jaħsibhom ċwieċ lil ħutu nazzjonalisti. Ħaseb li n-nazzjonalisti li jħobbu lil partit, dawk li fadal, ser jemmnu lil David Casa li fl-aħħar tlett snin ħadem biex kisser Partit u issa qed taħarqu qalbu biex jiġbor il-frak u jipprova juża l-kolla biex jipprova jgħaqqdu. Issa qed jaħsad dak li żara.


In partit nazzjonalista beda jaf li bil kbir minn meta abdika li jiddetta L-politika tieghu u n-narrativa tieghu stess, u qghad jistenna il-vangelu skond dcg jigi pronuncjat. Imbaghad ikomplu huma fuq l-istess mantra.
Kien spicca partit bla ruh jistenna d-direzzjoni ddettata lilu. Lanqas kienu johorgu dikkjarazzjonijiet fuq materji importanti qabel titkellem daphne halli jkunu certi li ma jkollhomx xi posizzjoni differenti mill-oraklu.
Hemm spiccaw. U hemm ghadhom.