L-emendi proposti biex jidħlu aktar nisa fil-parlament imorru kontra s-sistema elettorali tagħna
Ftit tal-jiem ilu, ktibt artiklu dwar l-emendi li hemm quddiem il-parlament biex aktar nisa jsibu post fil-parlament Malti.
Meta qed naqra fuq dawn l-emendi, qed nimmaġina lil Dom Mintoff preżenti fil-Parlament u qiegħed jiddiskutihom fi stadju ta’ kumitat. Ma għandix dubju, li Mintoff kien juża l-istil inimitabbli tiegħu biex jirredikola dawn l-emendi għaliex żgur ma kienx ser jaqbel magħhom. Hu kien jaqbel mad-drittijiet ċivili biss kien jemmen li persuna trid tidħol fil-parlament fuq il-kapaċitajiet tagħha. B’hekk kien jagħmel xi tip ta’ diskors fuq dawn il-linji. Waqt li jiftaħ idejh, u jitkellem b’pawżi twal, kien jgħid:
“Li jgħodd mhux x’għandek bejn saqajk, iżda x’għandek bejn widnejk”.
Jekk illum diskors bħal dan jista’ jinstema ftit goff , jibqa’ kollu minnu. Għaliex qed ngħid dan?
Fi ftit kliem, dawn l-emendi juru kif il-partiti politiċi l-kbar ħatfu l-parlament Malti. Suppost din hija liġi li tneħħi d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, meta fil-fatt din id-diskriminazzjoni ser tibqa’ hemm. Anzi dan it-tibdil fil-liġi elettorali ser iżid id-diskriminazzjoni bejn in-nisa nnifishom. Għaliex qed ngħid dan? Dan għaliex, dawk in-nisa li ser igawdu minn din il-liġi iridu l-ewwelnett jikkandidaw ruħhom ma’ wieħed mill-partiti l-kbar. B’hekk biss jista’ jkollhom ċans jitilgħu fil-Parlament. Dawk in-nisa li ħarġu ma’ partit żgħir mhux ser igawdu minnha. Jekk ikun hemm mara u toħroġ ma’ partit żgħir u ġġib unijiet iktar minn nisa l-oħra li jkun ħarġu ma’ partit kbir, xorta din il-mara ma tidħolx il-parlament. Il-mekkaniżmu propost mhux ser jagħti ċans lil nisa li ser ikunu kandidati f’partiti żgħar biex jitilgħu fil-parlament. Dan għaliex, is-sistema tal-votazzjoni li qed noħolqu hija dik li teleġġi kandidati marbuta ma’ wieħed miż-żewġ partiti politiċi l-kbir. Fi ftit kliem, il-partiti politiċi qed igerfxu u jħawdu kif jaqbel lihom.
Sfortunatament ħafna lanqas jafu kif taħdem is-sistema elettorali tagħna. Is-sistema li għandna hija magħrufa bħala dik tas-‘single transferable vote’ (STV). Din hija sistema bbażata fuq il-fatt li wieħed jivvota għall-kandidati u mhux għall-partiti politiċi. B’hekk, l-emendi proposti jmorru kontra kull prinċipju tas-‘single transferable vote’. Dan għaliex din is-sistema taħdem fuq il-prinċipju li jitilgħu kandidati, irrispettivament mill-partit, li jkunu ħarġu f’isem partit politiku.
Dak li l-partiti l-kbar qed jipproponu huwa li jitilgħu aktar kandidati nisa fil-parlament, basta dawn ikunu membri tal-partit rispettiv tagħhom. Fi ftit kliem, jekk persuna ma tkunx membru ta’ wieħed miż-żewg partiti l-kbar, iċ-ċans ta’ din il-persuna mara li tmur fil-parlament jibqa’ wieħed remot.
Mela dawn mhux veru emendi li jiffavorixxu aktar nisa fil-parlament Malti. Dawn huma emendi li jiffavorixxu nisa li joħorġu mal-partiti l-kbar biex jidħlu fil-parlament. Mela dawn qed isiru biex fil-parlament jidħlu biss numru speċifiku ta’ nisa.
Fi ftit kliem, dawn l-emendi huma maħsuba biex jekk xi nisa fil-parlament qed jibżgħu li mhux ser jitilgħu, b’dawn l-emendi xorta waħda jistgħu jispiċċaw fil-parlament Malti, anki jekk fil-frattemp ikunu ġew sfiduċjati mill-elettorat.