It-tibdil fil-liġi elettorali biex jiżdiedu n-nisa fil-parlament ser tagħmel aktar ħsara milli ġid

L-emenda għal-liġi li għaddejja bħalissa biex jiżdiedu n-numru ta’ nisa fil-parlament hija daqqa ta’ ħarta kbira f’wiċċ l-istess nisa. Tiskantawx għax hemm deputati, għax hekk jaqblilhom, qed jaraw f’din il-liġi opportunita’ biex iżommu posthom fil-Parlament. Oħrajn qed jaraw f’din il-liġi ċ-ċans li jakkwistaw siġġu f’dan l-istess parlament.

Fil-verita’ din il-liġi turi li kull ma għidna dwar l-ugwaljanza huwa fażull. La n-nisa ġew mogħtija l-ugwaljanza sħiħa, inkluż id-dritt tal-vot ħafna snin ilu, din għandha tkun dejjem u kullimkien. Lanqas għandna għalfejn nagħtu eżempji u nsemmu n-nisa li daħlu fil-parlament biex inkunu semmejnihom. Nafu li kienu hemm u waslu bil-ħila tagħhom.

Kemm hu sewwa li tiġġieled għal siġġu fil-parlament! Biss b’din il-liġi ser tkun ikkreata sitwazzjoni fejn mara ma għandhiex għalfejn taqta’ qalbha mill-kompetizzjoni li jkollha fuq id-distrett fejn ser toħroġ u issa tista’ tkun komda biżżejjed li toħroġ u taf li hemm ċans tajjeb li tirbaħ pultruna għax sempliċiment hija mara. Fl-opinjoni tiegħi dan hu att diżastruż u skandaluż fid-demokrazija. Dan hu att ta’ umiljazzjoni għall-istess mara.

Dan hu eżerċizzju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza u ta’ xiri sfaċċat ta’ pultruna fil-parlament mingħajr ma tkun mistħoqqha. Żmien ilu anke fil-qrati kellna l-avukati kważi kollha ta’ sess maskili. Kemm tħabbtu n-nisa fil-bidu biex sabu post ugwali f’dan ix-xogħol! Il-kawżi kriminali kollha kienu miġġielda minn irġiel. Imma dan kien ifisser li ma kienx hemm nisa kapaċi?Dażgur li kien hemm. Meta t-tifla ta’ Profs de Marco bdiet tiġġieled għal postha ħaditu bil-ħila tagħha u ta’ ħadd iżjed.

Min jgħid għax kellha lil missierha jgħina huwa żball kbir. Missierha ma kienx ikun magħha fl-awla meta kienet tiddefendi l-każ. Wasslet għax kienet kapaċi. Kien hemm oħrajn fosthom fuq in-naħa l-oħra. Anna Mallia ġejja minn spectrum soċjali u politiku differenti. Biss xorta kienet kapaċi ssib postha fil-qorti. Magħhom u warajhom tfaċċaw oħrajn u grazzi għal dawn l-avukati nisa pijunieri, illum il-qorti hemm maġġoranza ta’ avukati nisa u jien nilqa’ din is-sitwazzjoni b’sodisfazzjon.

Fl-opinjoni tiegħi din il-leġislazzjoni ser tiġi attwata biss biex jitpaxxew nisa fil-politika li diġa kienu hemm u qed jaqtgħu qalbhom li fl-elezzjoni li jmiss jitilgħu. Magħhom hemm nisa li jafu li biex jaslu jridu mbuttatura tajba. Għalhekk qed ngħid li din hija leġislazzjoni li qed tnaqqas il-valuri, l-kapaċita’, l-insistenza u l-impenn tan-nisa b’mod ġenerali.

Allura issa ser nibdew nagħżlu n-nisa kullimkien għax hekk ser jagħmlu fil-parlament, l-għola istituzzjoni fil-pajjiż? Din il-leġislazzjoni ser tiftaħ triq perikuluża fuq kull livell u f’kull xogħol. Din ser ikollha effett fuq kull sistema fejn hemm proċess ta’ għażla.

Jien inħossni umiljat jekk niġi mogħti xogħol jew siġġu fil-parlament fuq il-bażi tas-sess tiegħu u mhux għax dħalt bil-ħila tiegħi. B’din il-leġislazzjoni, mara minflok dieħla mill-bieb ser tidħol mit-tieqa għax tawha tefgħa. Jaqaw Rosianne Cutajar u Therese Commodini Cachia qed jaqtgħu qalbhom li jitilgħu darba oħra? Cutajar kienet qalet li hi kienet ħadmet għalih il-post fil-parlament u rnexxielha.

Allura missa titkellem u tqawwi qalb oħrajn jagħmlu bħalha. Min huma dawk in-nisa l-oħra fil-Partit Laburista li qed ituha palata? Donnha Cutajar biss qed tagħmel din il-kruċjata. In-naħa l-oħra għandek iżjed għax fil-parlament tkellmet Claudette Buttigieg li argumentat b’saħħa favur din il-liġi. Jaqaw din qed tibża li ma titlgħax fl-elezzjoni li jmiss? Jekk tagħtu daqqa t’għajn u taraw ma’ min iridu jikkompetu fid-distretti rispettivi tagħhom, mill-ewwel tinduna li dawn li semmejt qed jibżgħu.

Naf ukoll li min-naħa tal-partit fl-oppożizzjoni hemm ukoll Graziella Attard Previ u Alessia Psaila Zammit li ukoll jidher li għandhom għadma iebsa biex jirfsu fil-parlament. Ma għandix dubju li dawn in-nisa, bħal ħafna oħrajn, lesti biex ibatu. It-tbatija tfisser xogħol, house visits, dedikazzjoni, konvinzjoni, preparazzjoni, lealta’, prinċipji, valuri u oħrajn. Dawn il-valuri ma għandhomx sess. Min iħaddan dawn id-doni kollha għandu jirbaħ.

Biss importanti li l-partiti jridu jimbutaw lin-nisa. Ara fl-elezzjonijiet Ewropej ġibna l-ugwaljanza mingħajr bżonn ta’ tibdil fil-liġi elettorali. In-nisa jridu jterqu mat-toroq. Jitħalltu man-nies (bħalissa b’attenzjoni). Jkkonvinċu lill-votanti. Ma jibżgħux. Biss il-Partiti jridu jagħmlu s-sehem tagħhom. Joħorġu aktar nisa fuq il-listi elettorali tagħhom. Jagħtuhom aktar spazju fuq il-media tagħhom u mhux jinħbew wara tibdil fil-liġi għaliex mhux kapaċi jmexxu lin-nisa ’l quddiem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *