Il-gideb ta’ Manwel Delia fuq il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista fi żmien Adrian Delia
Il-fissazzjoni tal-bniedem fuq bniedem ieħor tista’ twasslek għal kitba, kliem jew azzjoni bogħod mil-verita’. Din il-fissazzjoni tista’ twasslek ukoll li tikteb affarijet li tinqabad li fihom tkun qed tiddikjara ħafna gideb. Din l-istess fissazzjoni twasslek li ma tirriċerkax qabel tikteb u allura tasal biex tgħaffeġ u tħarref fil-kitba tiegħek. Hekk ġralu Manwel Delia li ħażżeż erba’ kelmiet biex jipprova jpinġi lil Dr Adrian Delia bħala l-bniedem li kompla żied il-pjaga finanżjarja tal-Partit Nazzjonalista.
Biss l-aktar ħaġa tal-iskantament mhux li Manwel Delia jigdeb. L-ikbar skantament ġej mill-fatt kif l-istess Partit Nazzjonalista lanqas ħa l-briga biex jiġbed l-attenzjoni li Manwel Delia u jgħidlu li kien qed jigdeb fuq il-kumpanija li huma stess jirrapreżentaw. Dawn huma affarijiet inkwetanti meta l-istess Partit jonqos minn dmiru u jħalli ex-kandidat tal-Partit, illum ras prominenti fis-soċjeta ċivili, ixerred il-gideb fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istess Partit.
Wieħed jista’ jaqra din is-sitwazzjoni bħala qrubija problematika u perikuluża li l-Partit Nazzjonalista qed ikollu ma’ Manwel Delia u sħabu. Kellha tkun il-gazzetta Kullħadd li rredikolat lil Manwel Delia f’kull figura finanżjarja li huwa ressaq. Kixfet ukoll il-gideb li Manwel Delia sar dilettant tiegħu ħafna, basta jipprova joskura lil Adrian Delia u f’dan il-każ anki lil Robert Arrigo.
Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jħalli dan il-gideb għaddej u ma jindenjax ruħu jikkoreġi dawn l-oxxenitajiet. Bilfors li kull votant ta’ dan il-Partit jgħid li s-soċjeta ċivili sar għandha saħħa kbira fil-Partit Nazzjonalista u jekk hiex addirettura tiddetta l-aġenda. Il-gazzetta Kullħadd ma għamlu xejn barra minn din id-dinja. Ġabu l-informazzjoni preċiża mill-Kummissjoni Elettorali.
Araw ftit fejn wasal dan Manwel Delia. Skond Manwel Delia taħt Simon Busuttil il-finanżi tjiebu għax żdiedu d-donazzjonijiet, filwaqt li taħt Adrian Delia d-donazzjonijiet sparixxew. Il-fatti juru mod ieħor. Fit-tlett snin taħt Simon Busuttil sar deficit ta’ €5.1 miljun, mela €1.7 miljun fis-sena, filwaqt li taħt Adrian Delia fl-2018 id-deficit kien €0.8 miljun.
Il-gideb ħoxon ta’ Manwel Delia ma jieqafx hawn. Fatt ieħor li joħroġ ċar huwa li NET TV taħt Pierre Portelli naqas bin-nofs, minn aktar minn €2 miljuni għal €1.2 miljun. It-tielet gidba ħoxna tas-sur Manwel Delia. Barra minn hekk il-kredituri tal-Partit fl-2018 naqsu b’0.2 ta’ miljun. Ħaġa oħra sur manipulatur tal-gideb. Kienet taħt Simon Busuttil li dak li hu dovut f’taxxi u bolol tħallew jitilgħu għal €300,000. L-amminstrazzjoni ta’ Dr. Adrian Delia, fl-ewwel sena tagħha, mhux biss ħallset dak dovut f’taxxa u bolol għal dik is-sena imma ħallset ukoll 20% ta’ dak li ħalla Simon Busuttil.
Forsi tifhem ftit sur Manwel Delia, fi żmien Busuttil id-dejn tela’ minn €7.5 għal €9.9 miljun. Ma taħsibx li hija żieda tant kbira li twerwrek? Imma ċ-ċirasa fuq il-cake qiegħda hawn. L-akbar gidba hija dik marbuta mal-ammonti li għandhom x’jaqsmu mad-donazzjonijiet. F’terminu ta’ ġbir medju ta’ kull maratona, taħt Busuttil kienu jinġabru €181,375 waqt li taħt Adrian Delia kien jiġbor €215,121. Anke minn sempliċi sħubija Busuttil kien jiġbor €65,000 (2016), Adrian Delia kien jiġbor €113,000.
Ara kif ser jinħasdu meta jaraw id-dejn tiela matul din is-sena Manwel Delia, meta jridu jitħallsu daqshekk pagi li nibtu għal ħafna ġenerali u oħrajn li sabu posthom fil-Partit Nazzjonalista dan l-aħħar. Mid-dehra anke l-kardinal maħsud u mifxul fuq il-finanzi tal-Partit għax skond il-One News semgħuh jirrabbja fuq is-sitwazzjoni finanżjarja. Manwel Delia qabel tipprova b’mod patetiku ħafna, tgħatti l-warrani ta’ sħabek u tipprova toskura lil Dr Adrian Delia u lil Robert Arrigo. Dak li nista’ ngħidlek. Għamel il-homework tiegħek sewwa għax tkun int li taqa’ għaż-żufjett. Dawn it-tip ta’ scoops imqansħa, il-bogħod mil-verita’, u mimlijin ħmieġ żgur li mhux ser iżidulek in-numri fqar li jaqraw il-kitba tiegħek.