Bernard Grech qed jilgħab man-nar

Normalment, jien wieħed milli nikkritika bl-aħrax lil Bernard Grech. Biss fuq din ngħidlu li mexa tajjeb. Hawn qed nirreferi għall-artiklu li deher il-lum f’The Times fejn Bernard Grech ġie mistoqsi jekk hux ser jieħu passi kontra Adrian Delia wara l-istorja li kellha The Sunday Times il-Ħadd li għadda fejn ġie allegat li l-Partit Nazzjonalista ħa flus mingħand Yorgen Fenech meta  Adrian Delia kien kap tal-Partit Nazzjonalista. Dawn il-flus ittieħdu biex ma jitlax David Casa. Dak li qed ikun implikat minn The Sunday Times huwa li dawn il-flus għaddew għand il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Pierre Portelli. Biss sa issa, The Sunday Times għadha ma ppubblikatx is-sorsi tagħha, anki jekk din l-informazzjoni tidher li hija ġejja mill-Whatsapp messages ta’ Yorgen Fenech. Infakkar li hemm divjit fuq il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-Whatsapp messages mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Ara issa The Times mhux ser tikteb xi artiklu biex tgħid li jien qed nitressaq il-qorti talli ksirt divjit tal-qorti fuq pubblikazzjonijiet ta’ recording anki jekk dan mhux minnu. Biss kulħadd xortih fil-qrati tagħna! Biss taf x’naf. Li David Casa jagħmel riklami ta’ paġna sħiħa fuq The Sunday Times!

Imma l-argument tiegħi llum huwa ieħor. Dak li nista’ ngħid li  Bernard Grech qabżilhom mis-sunnara. Qallhom li mhux ser jikkummenta jew jieħu azzjoni qabel ma jkollu l-fatti kollha f’idu. U jagħmel sew.

L-ewwel evita’ li jirrepeti l-iżball kardinali li kien għamel Adrian Delia meta, wara li kien ħareġ ir-rapport tal-maġistat dwar Egrant, kien talab lil Simon Busuttil biex jirreżenja. Dan kien żball politiku kbir. Wara saret dik il-famuża tweet #Not In My Name mingħand Mario de Marco. Adrian Delia kellu jmur lura minn kelmtu. Din fissret il-bidu tat-tmiem tiegħu.

Biss irrid ngħid li Bernard Grech issa qed jilgħab man-nar. Ġa dawn l-artikli bdew iressquh lejn pożizzjoni diffiċli fis-sens li ġa ntużaw biex jikkommettuh politikament. Infakkar, li Yorgen Fenech ilu jintuża mill-ġurnalisti u l-ħbieb tagħhom tas-soċjeta’ ċivili biex iwaqqgħu politiċi li jidhrilhom huma.

Infakkar li Bernard Grech kien talab lil Prim Ministru biex jieħu azzjoni kontra Rosianne Cutajar wara li ħarġet l-istorja tas-senserija. Hemmhekk, Grech għaġġel. Ma kienx qal nistenna ħa nara l-fatti kollha. Fi kliem ieħor, din l-azzjoni li kienet, fl-idea tiegħi, magħmula apposta biex Grech jikkommetti ruħu. Issa ibqgħu żguri li din ser tintuża kontra tiegħu minn dawk stess li qegħduh fis-setgħa.

L-argument ser ikun li l-PN qed jgħid lin-nies li jrid jistenna meta r-relazzjoni tkun bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia. Iżda mbagħad meta jkun hemm relazzjoni simili, imma din tkun ma’ xi deputat laburista, hemm jgħid lill-Gvern biex jieħu azzjoni mill-ewwel. Din tidher bħala ipokresija grassa.

B’hekk din l-istorja f’The Times tal-lum tidher tista’ tkun il-bidu ta’ attakk minn taħt kontra l-istess Bernard Grech.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *