Il-media u l-aġenda moħbija tagħha

Malta pajjiż żgħir imma mgħoni b’intelliġenza kbira. Araw ftit kemm għandna min hu dilettant tal-kitba, araw kemm għandna medja differenti fejn ittik din il-possibilita’ li tagħmel dan. Araw kemm artikli, opinjonijiet, ħsibijiet qed jinkitbu u jitferrxu biex jinqraw. Għandna rikkezza ta’ nies li jogħġobhom jintervjenu fuq kull suġġett, li jista’ b’xi mod jattira nies lejn l-opinjoni tagħhom. Grazzi ta’ dan kollu u ninkoraġġixxi lil kull min jagħmel dan. Dawn il-kitbiet huma mportanti ħafna għax jagħtu lil kull min jaqra opportunita’ biex jiflu u jibnu l-ħsibijiet tagħhom.

Imma meta taqra u tipprova tifhem dak li jkun għaddej trid toqgħod attent ħafna. Trid tipprova tifhem il-ħsieb miktub u mibni fuq aġenda li ħafna drabi dak il-mezz ta’ xandir ikollu. Naqraw u naraw ħafna interpretazzjonijiet ta’ dak kollu li jkun għaddej. Il-kitba tikxef lil min jikteb fejn qed ixaqqleb bil-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Meta taqra artiklu wara artiklu, miktubin minn persuna jew kamra tal-aħbarijiet, tibda tifhem l-aġenda li jkollhom. Tibda tirrealizza li l-kitba ta’ dawn l-individwi jew kmamar tal-aħbarijiet għandhom aġenda stretta u ħafna drabi mhux kollha veritiera. Jieħdu silta jew kwotazzjoni u jibnu fuqha l-messaġġ tagħhom. Jiġu altament jitmellħu mill-verita’ assoluta u jiktbu dak li jaqbel lilhom u mhux lill-qarrejja.

Din hija kwalita’ ta’ medja li tagħti fastidju. Imma l-problema prinċipali hija li għandna qarrejja li jillimitaw irwiegħhom għal kamra tal-aħbarijiet waħda. Dawn in-nies li jagħmlu hekk ikunu qed jibilgħu aġenda waħda u ma jirrealizzawx li dik l-aġenda tista’ tkun manipulattiva. Il-qari huwa tajjeb u mod eċċellenti li teduka ruħek u żżomm lilek innifsek infurmat. Imma attenti għax jekk tillimita ruħek għal interpretazzjoni waħda biss, tista’ tmur imqarraq u tista’ tibda tiġi influwenzat negattivament fil-ħsieb tiegħek.

Ħadd ma għandu jħalli xi kamra tal-aħbarijiet partikulari tifnielek il-ħsieb, tinfluwenzak jew torqomlok moħħok b’tali mod li tgħamik u ġġagħlek taħseb dak li trid hi u ma tħallikx tasal għall-konklużjonijiet tiegħek. Dan qed jiġri kemm fil-kamp politiku. Kulħadd jaf li l-medja tal-Partit għandha l-agenda li tmexxi l-ħsieb tal-partit li jkun. Biss illum saret aktar komplessa għaliex fil-PN hemm qasma ċara u b’hekk il-medja tal-partit qed tmexxi agenda kontra l-Partit Laburista u anki agenda kontra membri tagħha stess li mhux qed jaqblu għal kollox mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Imbagħad hemm il-medja indipendenti. din agħar għax ħafna drabi għandha aġenda ċara ħafna. Imma x’inhu l-messaġġ wara dan kollu. Persważ li diffiċli tkun taf il-verita’ kollha tal-istorja mħabbra jekk taqra biss linja ta’ ħsieb wieħed. Jekk inti tagħmel hekk ikun ifisser li int m’intiex tuża moħħok u tanalizza dak li jkun qed jintqal. Tkun qiegħed komdu taqra informazzjoni limitata u tħalli lil ħaddieħor jaħseb għalik u jinfluwenzak. Il-pjaċir tal-bini tal-ħsieb huwa mibni fuq qari divers minn opinjonijet differenti.

Għalhekk il-qari huwa sabiħ u importanti. Aqra, ifhem, ifli, analizza u asal għall-konklużjonijiet tiegħek. Int mogħni b’moħħ.

Leave a Reply