Bernard Grech beża’ minn ftit xita li qatt ma ġiet
Min imexxi l-istrateġija tal-Partit is-Sibt li għadda għamel telefonata l-uffiċċju meterjoloġiku fejn staqsa kif ser ikun it-temp l-għada l-Ħadd speċifikament fuq Ħaż-Żabbar. Suppost ukoll li dan l-istess uffiċċju għaddielhom informazzjoni li l-bieraħ fil-għodu fuq Ħaż-Żabbar kien ser ikun hemm ħafna xita. Għalhekk, suppost fuq din l-informazzjoni ttieħdet id-deċiżżjoni li l-priedka tal-bieraħ il-Ħadd titħassar minn Ħaż-Żabbar u tidħol għall-kenn tad-Dar Ċentrali.
Issa biex inkunu ċari nafu li t-temp ivarja fuq pajjiżna minħabba li bħala gżira aħna żgħar u jista’ jdur ftit ir-riħ u l-maltemp jaqbiżna. Għallinqas din smajtha kemm-il darba tintqal. Imma mhux aċċettabbli li l-uffiċċju meterjoloġiku jagħmel żball daqshekk oħxon għaliex il-bieraħ filgħodu kellna temp sabiħ kollu xemx u spiċċa ndika xita qawwija.
Jiena naħseb li l-informazzjoni miġbura mill-uffiċċju meterjoloġiku kienet skuża tajba. Ejja niftakkru li f’dawn l-aħħar erba’ jew ħames xhur, Dr Bernard Grech, iddiżappunta liż-Żabbarin darbtejn. Fil-kampanja elettorali tiegħu kien qal li ser iżur il-każin ta’ Ħaż-Żabbar. Imma ma marx. Issa qalhom li ġej ġo belthom u ma marx.
Il-bieraħ ma ntbagħat ħadd jagħmel scouting imma ġabu l-iskuża tal-uffiċċju meterjoloġiku u għal darba oħra ż-Żabbarin reġgħu ġew miċħuda mill-vista ta’ Dr Bernard Grech. Din id-darba kien l-uffiċċju meterjoloġiku li serva ta’ tapp biex titħassar il-mawra ġo Ħaż-Żabbar. Hawn xi ħadd li ser jaqra din il-kitba jemmen li din tal-bieraħ kienet skuża veritiera? Ħafna din ma tinżlilhomx sa griżmejhom għaliex jifhmu li r-raġuni hija totalment differenti.
Dr Grech u l-ġenerali ta’ madwaru saru jafu li kien ser ikun preżenti Dr Adrian Delia. Dan ma kien qed jagħmel xejn bil-moħbi imma kien qal u kiteb li hu kien ser imur Ħaż-Żabbar, lokalita’ li Dr Delia fehem li dejjem kien milqugħ tajjeb ħafna. Allura x’kien hemm ħażin li membru parlamentari u kandidat jattendi għall-priedka tal-Ħadd filgħodu?
Imma lill-ġenerali madwar Dr Grech u naħseb anke lil Dr Grech stess ma riedux li Dr Delia jitfaċċalhom ġo Ħaż-Żabbar u jintlaqa’ aħjar minn Dr Grech. Allura bi skuża ta’ dulluvju ħassru l-attivita’ u daħlu għall-kenn. It-tmexxija ta’ dan il-partit waqgħet fl-abbissi. Tilfu l-boxla. Tilfu rashom. Għadhom ma fehmux li dawn il-mossi qed jirredikulaw lilhom infushom u lil Kap tal-Partit. Dawn huma mossi ta’ djufija kbira.
Fejnhom in-Nazzjonalisti li dejjem imxew wara l-bandiera f’xemx taqli l-ankri u f’xita li tkaxkar magħha l-karozzi?
“Aħna ma bżajniex mill-isparar ġewwa ż-Żejtun u r-Rabat, aħna ma bżajniex mill-gas tad-dmugħ, aħna ma bżajniex minn suldati armati anke bil-klieb, aħna ma bżajniex minn ġebel, minn xfafar, tappieri u oħrajn, taħsbu li ser nibżgħu minn ftit xita. Ħalluna salt ġenerali tal-ħabba gozz“.
Warrbu minn madwar Dr Grech għax qed tirredikulawh. Ħallu postkom għal min għandu għal qalbu l-Partit. Itilqu minn hemm ja qabda amateurs. Oħorġu mid-Dar Ċentrali u għidu lil min innominakom li intom m’intomx għall-altezza biex tagħmlu dak it-tip ta’ xogħol. L-erbgħin elf euro fis-sena almenu joħodhom xi ħadd li jaf x’qed jagħmel. Issa qażżistuna għax mingħalikom qed tistmawna ta’ salt ċwieċ.
Intom m’intomx nazzjonalisti intom biss opportunisti.