Where your opinion counts

L-Isptar Monte Carmeli: wasal iż-żmien li jitwettaq il-proġett fuqu


Kandidat laburista fuq it-tielet distrett, is-Sur Ray Abela, qed jipproponi li jsir sptar għall-annimali b’xejn. Prosit. Proposta tajba u nisperaw li titwettaq tassew ħalli ma jkun ebda skuża biex lill-annimali intuhom l-aqwa kura.

Imma meta tisma’ fuq inizzjattivi bħal dawn tiġi f’moħħok mistoqsija. L-isptar għall-pażjenti b’mard mentali x’sar minnu? Mela jekk il-proposta ta’ għajnuna lill-annimali tintlaqa’ u tajjeb, kemm għandu jkun hemm ħeġġa ħafna iżjed biex jagħtu għajnuna denja lill-bnedmin.

Nafu wkoll, u dan ma hu tort ta’ ħadd, li l-pandemija mmultiplikat dawn il-każi. Nafu wkoll li l-pandemija għamlet straġi fuq min ibati bil-mard mentali. Dawn huma nies vulnerabbbli u din l-istess vulnerabilita’ ħolqitilhom ħafna iżjed problemi. Ilna snin nisimgħu fuq l-istat ħażin u anke perikuluż li l-isptar Monte Carmeli qiegħed fih.

Smajna wkoll li qed isir ħafna xogħol ta’ manteniment biex forsi l-istat tas-swali jirrifletti ftit stat uman għaliex ċertu swali kienu qed imissu l-abbissi. Imma l-Gvern fejnu? Fejn wasal fuq il-pjan ta’ sptar ġdid?

Ma jidhirlekx sur Gvern li kull ġurnata li tgħaddi hija ġurnata oħra ta’ dannu lil dawn ħutna? Qed tifhmu li dawn in-nies mhux paroli sabiħ iridu imma azzjoni konkreta? Ma jidrilkomx li pażjent ma għandux jirċievi kura ġo ambjent medjevali? Kemm ser idumu l-pjanti fuq il-karta?

Proġetti oħra, jinħasbu, jitressqu u jitwettqu, allura għaliex dan l-isptar għadu fuq l-ixkaffa? Għaliex għadu fuq il-karta sur Gvern? Kull ħaddiem li jaħdem hemm ġew, kull persuna li għandu vokazzjoni nobbli li tagħti ħinha lil dawn il-pażjenti għandha tiġi stmata u tinstema’.

Fuq kollox dawn ma jitkellmux għalihom infushom imma jagħmlu l-argumenti tagħhom għan-nom tal-pażjenti tagħhom. Pajjiżna qed jonfoq spejjeż kbar fuq kullma tista’ timmaġina u ċ-ċifra essaġerata ta’ infieq kull fejn tħares dejjem tiela’.

B’dispjaċir ser ikolli ngħid dan li qed inħoss. Jaqaw dawn mhumiex importanti għax il-maġġoranza tagħhom jitilfu d-dritt li jivvutaw? Nispera li r-risposta hija le u le.

Mount Carmel serva lill-poplu Malti għal ħafna snin. Anke l-bini għandu ż-żmien ta’ skadenza u dan naħseb li ilu li nqabeż. Naf ukoll li qed jippruvaw jirranġaw imma t-tagħlima misshom ħaduha minn St Vincent de Paule. F’dan l-isptar tal-anżjani twaqqgħu numri kbir ta’ swali u nbnew ġodda. Ma jistax isir l-istess ġewwa l-isptar Monte Carmeli?

Għall-pażjenti nutli li noqogħdu nitlewwmu fuq il-bini għax listed. Dawn ma jinteresshom xejn. Huma u l-familijari tagħhom iridu biss diċenza. Iridu dak li hu tagħhom bi dritt. Iridu jirċievu kura bħal kull pażjent ieħor li jmur Mater Dei. Dawn m’humiex nies tas-sekonda klassi. Għandhom dritt għal kura state of the art bħalma jirċievu pażjenti oħra. Il-pazjenti huma persuni umani. Il-pazjenti m’humiex numri. Dawn għandhom id-drittijiet tagħhom. Dawn għandhom jiġu trattati ta’ umani li huma. Mela il-Gvern għandu jqum u jagħmel dmiru. Il-proċess għandu jitfarfar mit-trab li ntela’ bih, jiġi diskuss biex jitwettaq kemm jista’ jkun malajr. Saru ħafna proġetti. Għal dawn ħutna l-gvern mhux mgħaġġel?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *