X’inhu rowl tal-kumitati sezzjonali fil-Partit Politiċi tagħna

Minn osservatur politiku  

L-istatuti taż-żewġ partiti prinċipali jniżżlu b’mod ċar x’għandu jkun ix-xogħol imwettaq miIl-kumitati sezzjonali. Bejn wieħed u ieħor iż-żewġ partiti jelenkaw l-istess funżjonijiet. Fil-fatt il-Partit Laburista jispeċifika kif ġej: Il-funzjonijiet ta’ kull Kumitat Lokali huma li:

  1. Iservi bħala rapprezentant tal-Partit fil-lokal tiegħu u għalhekk għandu jkun preżenti permezz t’attivitajiet pubbliċi;
  2. Jieħu sehem fil-ħidmiet dwar il-proċess elettorali kif ikun mitlub mill-Kap tal-Uffiċċju Elettorali;
  3. Iwettaq id-direttivi mogħtija lilu mill-Eżekuttiv Nazzjonali;
  4. Jaħdem f’kooperazzjoni mal-Kumitat tal-Amministrazzjoni Distrettwali jew Reġjonali u jimxi fuq id-direttivi tiegħu;
  5. Iwassal fil-lokal tiegħu l-fehmiet tal-Partit biex ikabbar l-appoġġ popolari tal-Partit fost l-elettorat;
  6. Jgħin lill-Eżekuttiv Nazzjonali fl-ghażla tal-Kandidati prospettivi;
  7. Jiġbor u jsaħħah is-sħubija fil-Partit;
  8. Ikun responsabbli mill-Amministrazzjoni taċ-Ċentru Lokali tal-Partit.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista fl-istatut jikteb hekk:

Il-kumitati għandhom:

a) ikunu responsabbli għall-organizzazzjoni u l-ħidma tal-partit fil-lokalità skont id-direzzjoni tal-organizzazzjoni ċentrali tal-partit;

b) jistiednu persuni mil-lokal jissieħbu fil-partit u kull sena jiġbru d-dritt dovut tas-sħubija;

c) jippjanaw, iwettqu u jikkoordinaw il-ħidma lokali konnessa ma’ xi elezzjoni fil-pajjiż jew fil-lokal;

d) jiddiskutu l-politika u l-programm tal-partit u jmexxuhom ’il quddiem fil- lokalità b’kull mezz possibbli, kif ukoll jiddiskutu kwistjonijiet nazzjonali u lokali u jressqu quddiem il-partit il-proposti tagħhom dwarhom;

e) iwettqu l-ħidma meħtieġa biex jassiguraw l-aħjar relazzjonijiet mal-eletturi kollha fil-lokal billi jaraw li membri tal-kumitat, kandidati, kunsilliera lokali u membri parlamentari jkunu f’kuntatt regolari man-nies u jiddiskutu l-bżonnijiet li jista’ jkollhom;

f) iżommu ruħhom infurmati dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali u l-ħtiġiet tal- lokal u, mingħajr ma jindaħlu fil-funzjonament tagħhom, jagħmlu talbiet u suġġerimenti li jidhrilhom xierqa lill-Kunsilliera Lokali jew Membri Parlamentari eletti f’isem il-partit;

g) iwaqqfu netwerks ta’ żgħażagħ, nisa, anzjani u ta’ gruppi oħra skont l- ambjent soċjo-kulturali tal-lokal;

h) jgħinu mingħajr distinzjoni lill-kandidati kollha approvati mill-partit għal kull elezzjoni msejħa u jaraw li l-każin/uffiċċju tal-partit ikun ċentru ta’ servizzi, tagħrif u attività politika għall-eletturi tal-lokal;

i) jassiguraw preżenza għaqlija u effettiva fil-komunità u fl-attivitajiet, festi u ġrajjiet tal-lokal, inkluż preżenza fuq il-mezzi soċjali; u

j) iżommu regolarment infurmati lill-Kumitat Reġjonali u lill-partit bil-pjani u l-ħidma tal-kumitat.

Iż-żewġ statuti jitkellmu fuq xogħol ta’ kumitat fil-kolleġġjalita tiegħu. L-istatuti jispeċifikaw li x-xogħol tal-kumitat għandu jsir minn kull membru għal ġid tal-Partit kollu. Ir-responsabilita’ tal-kumitat hija ndirizzata lejn riżultati pożittivi għal-Partit mhux ta’ xi kandidati ndividwali. Kull xogħol imwettaq mill-kumitat irid ikollu għan wieħed li jimmeljora kemm jiflaħ lil Partit.

Biss ma hemm imkien miktub li jillimita xi membru tal-kumitat jaħdem għal xi kandidat partikulari, fuq livell personali, barra mill-kumitat. Il-kumitati jridu joqgħodu attenti li ebda membru tal-kumitat ma jressaq xi ħaġa biex jaġevola xi kandidat partikulari. Wara li nirrefflettu fuq dan kollu, rridu nifhmu li l-kumitat huwa magħmul minn individwi u l-ebda Partit, l-ebda amminstrazzjoni tal-Partit, l-ebda Kap, l-ebda Viċi Kap u l-ebda membru parlamentari ma jista’ jimponu fuq xi membru, bħala individwu, lil min għandu jappoġġja, għal min għandu jaħdem politikament jew jekk ikunx qed jagħti sehemu fl-organizzazjoni tal-kampanja ta’ xi kandidat partikulari.

Meta wieħed jaħseb dwar dak li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista bħal issa jinkwieta għax jirrealizza li l-membri nvoluti qed jiġu mċaħħda milli jifformaw parti minn xi kumitat għax ġew impinġija li ħadmu ma kandidat speċifiku jew għaliex jistgħu jkunu kontra xi kandidat ieħor.

Fl-aħħar mill-aħħar kull membru tal-grupp parlamentari huwa kandidat u xejn iżjed. Ftit ġimgħat jew xhur oħra kull membru tal-parlament irid jinżel minn fuq il-pultruna parlamentari u jmur quddiem il-kostitwenti tiegħu jitlobhom il-fiduċja tagħhom. Kull wieħed minnhom irid jissottometti ismu għall-ġudizzju tan-nies. Dawn l-istess nies jaħsbu, jiftakru, jirrifflettu u jagħrblu kull kandidat, fuq azzjonitu, fuq ħidmitu u fuq kollox fuq kull kelma li toħroġ minn fommu.

Għalhekk il-paroli żejjed, l-attitudni ħażina, in-nofs verita’ u saħansitra l-gideb ma hu tajjeb għal ħadd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *