Where your opinion counts

Il-Karnival u l-Pandemija

Minn Osservatur Politiku

Il-pandemija ġabitna ngħixu l-karnival is-sena kollha. Il-maskla ma wiċċna ġabitna nixbħu l-maskarati fil-ħames t’ijiem tal-karnival. Bl-ebda disrispett lejn it-tnejn għax il-karnival huwa ż-żmien fejn kulħadd jintelaq ftit, iħallat il-kuluri anke f’ilbiesu u fejn jitbissem ftit aktar għax il-bluha fi żmiena hija ukoll tajba. Il-karnival jagħti kemm lil-kbar kif ukoll liż-żgħar ġranet ta’ ftit inqas attenzjoni fl-ilbies, nagħtu ftit anqas importanza jekk l-aħdar jitħallatx mal-blue, nitħajjru niċċalinġjaw it-temp basta nilbsu dak li kien fi ħsiebna minn ġranet qabel.

Il-pandemija ġabitna konxji li ma nistgħux nidħqulha f’wiċċha, ma nistgħux innaqsu l-attenzjoni, ma nistgħux nitbegħdu mill-ordni pubblika, ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-maskla. Imma hemm ukoll differenza kbira bejniethom għaliex waqt li fil-ġranet karnivaleski nitgħannqu aktar biex nifirħu, niżfnu, niċċelebraw il-ġranet tal-bluha, għall-kuntrarju l-pandemija qed tbiegħed il-bniedem minn bniedem ieħor, qed tħallina bil-għatx għat-tgħanniq ma’ familjari għeżież tagħna u qed iżżommna l-bogħod minn xulxin.

Il-karnival jintogħġob mit-tfal u l-ġenituri jew carers tagħhom, jintogħġob minn uħud li jfittxuh u jiġru wara l-karrijiet u l-maskaruni. Il-pandemija titmellaħ minn kull kulur, anke tal-bniedem, tattakka lil kulħadd u ma tagħżilx jekk int tridx tmur lejha jew le imma kif tintelaq ftit tiġri warajk. Il-karnival magħna, l-pandemija għada għaddejja allura magħna wkoll. X’ser nagħmlu? Sejrin inbaxxu l-livell ta’ attenzjoni? Sejrin innaqqsu t-tarki tagħna? Sejrin ninġabru fi gruppi u niġu nitmellħu altament x’ser jiġri minnha l-aqwa li ngawdu l-ġranet tal-bluha? Jekk nirriflettu u naħsbu li jista’ jkun hemm konsegwenzi għall-għemilna hemm ċans tajjeb li dawn il-ftit ġranet jgħaddu u t-tbatija ta’ wara ma tkunx kbira. Minn min jiddependi dan kollu? Għaliex għandu jbagħti xi ħadd ieħor minħabba dak li nagħmlu aħna?

Dan jiddependi fuqna kollha. L-awtoritajiet tas-saħħa ilhom jgħidulna minn x’hiex irridu noqgħodu attenti. Spjegazzjonijiet ħerġin minn widnejna dwar dak li jista’ u ma jistax isir. Allura ser inħallu l-ħames t’ijiem ta’ bluha jagħrqulna kollox. Ser inħallu dawn il-ftit siegħat nieqsin mill-attenzjoni juruna n-numri tielgħin għal darba oħra. It-tixrid ta’ din il-misħuta pandemija għadu magħna b’mod qawwi. Għadna lura biex nirrilassaw. Għadna lura biex niġu nitmellħu jew nieħdu xi attitudni ta’ jiġri x’jiġri basta niddeverti. Il-gvern qed jieħu prekawzjonijiet għal dan il-perjodu.

Huma biżżejjed? Ser nieqaf fuq il-kwantita’ ta’ nies li ser jaqsmu lejn Għawdex. X’għamel il-gvern? Qalilna li qabel titla’ fuq il-vapur ser jippruvawlek id-deni u ser ikollok toqgħod fil-karozza jekk tkun qed issuq. Tajjeb. Imma dawn biżżejjed? Rajna fejn ser imorru joqogħdu dawn kollha li ser jaqsmu lejn il-gżira Għawdxija? Għamilna l-mistoqsijiet neċessarji jekk hux ser ikun hemm gruppi ta’ nies flimkien li m’humiex familjari viċini? Jekk dawn ma ġewx iċċekkjati ser ikun ta’ dispjaċir għal kulħadd li nerġgħu naraw in-numri għoljin. Jekk azzjonijiet mhux ser jittieħdu kemm jista’ jkun malajr allura ser nerġgħu nisimgħu l-weġa’ tal-front liners tikber. Sur gvern f’dawn iż-żminijiet diffiċċli, l-azzjoni għandha titkellem ħafna iżjed mill-paroli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *