Stqarrija mill-ex-kumitat Nazzjonalista ta’ Bormla u mid-disa’ Kandidati li rtiraw in-nomina tagħhom mill-elezzjoni ġewwa tas-Sliema

Aħna, l-ex-kandidati ta’ Tas-Sliema u l-ex-membri ta’ Bormla, stennejna b’ċertu nteress id-dikors tal-Ħadd. Meta tela’ fuq il-podium Dr. Bernard Grech qal li kien qed iħossu ferħan li kien qiegħed Birkirkara mdawwar b’numru sabiħ ta’ nies li skond hu kien dejjem jikber. Tajjeb u hekk nieħdu pjaċir għax aħna nħobbu lill-Partit tagħna u nixtiequ narawh rebbieħ fil-futur qarib.

Dr Grech ħassu kburi jiftaħar bil-presidenza tal-kumitat sezzjonali ġewwa Ħad-Dingli f’idejn ġuvni ta’ 20 sena, sinjal ta’ kuraġġ miż-żgħażagħ. Kollha kemm aħna stennejna ftit mumenti ddedikat lejn dak li ġara Tas-Sliema u Bormla. Imma sfortunatament dan il-mument ma wasalx. Dr Grech insiena għal kollox.

Tgħid insiena bi skop? Tgħid ma semma xejn għax iddejjaq juri li għandu problema nterna? Tgħid insiena għax jemmen li aħna ser ninsew? Tgħid insiena għax jaħseb li għax aħna Nazzjonalisti ninsew dak kollu li għaddejna minnu u xorta naslu biex nivvutaw? Tgħid ma semminix biex mingħalih jagħti x’jifhem li din il-problema għaddiet u ntesiet? Tgħid ma semminix apposta biex iwasslilna messaġġ li m’għandux bżonna? Tgħid ma semminix għax dak, li ġabuh fuq il-gazzetti u bil-filmati fuq One News, għaddielu ordni ma’ sieħbu Ray Bezzina (meta ltaqgħu) li m’għandux isemmina u li jista’ jgħaddi mingħajrna? Tgħid qed jaħseb li għax sar Kap jista’ jgħaddi romblu fuq nies li huma Nazzjonalisti ħafna iżjed minnu?

Il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef okkazzjoni unika biex jirranġa s-sitwazzjoni. Seta’ għamel messaġġ qasir ta’ unita’ u għaqda, li għall-Partit kulħadd huwa mportanti, li kulħadd huwa neċessarju u ħadd m’hu għar-rimi.

Aħna li la aħna ribelli, la għedewwa, la qatt għajjarna lil ħadd imma li mid-dehra għamilna dnub imperdonabbli li xtaqna naħdmu mingħajr ma niġu mkassbra u mgħajjra, ser ikollna naħsbu għal rasna, nirriflettu fuq azzjonitna tal-lum u ta’ għada u nieħdu d-deċiżżjonijiet neċessarji.

Minn qalbna nawguraw lil Dr Grech kull suċċess. Nawguraw l-aqwa riżultat lill-Partit tagħna u nikkonkludu l-messaġġ tagħna b’post ieħor minn dan l-elitista, li ħoloq din il-pantomima ħadranija, li jista’ jikteb u jippostja, għax għandu l-barka tal-Kap u sħabu.

Leave a Reply