Il-fake profiles u l-attakki personali għar-raġunijiet politiċi

Ittra li rċevejt mingħand persuna li jsegwi dan il-blogg.

Kemm sirna dilettanti tal-fake profiles hawn Malta. Qed jinħolqu minn kull rokna ta’ Malta b’IP addresses Maltin u issa saret ukoll komda li noħolquhom b’indirizzi barranin. Għalfejn toħloq fake profile? Ħafna drabi dawn jintużaw minn nies beżżiegħa li jinħbew wara fake profile biex jattakkaw, jinsinwaw, iħammġu, fi ftit kliem jitfgħu l-ġebel u jaħbu idejhom. Issa dan jagħmluh għax jaħsbu li ma tkunx tista’ tasal għal min ikun qed jippostja din it-tip ta’ kitba.

Bħalissa għaddejjin attakki fuq nies li jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista. Dawn il-fake profiles qed jattakkaw nies magħżula, bi skop malinn. Dawn in-nies li jibżgħu juru wiċċhom għax jafu li jistgħu jbatu ħafna konsegwenzi, qed jattakkaw nies fuq affarijiet personali, familjari u anke soċjali. Trid tkun veru b’moħħ marid li tinħeba wara fake profile biex tasal tagħmel ħsara lil bniedem uman bħalek.

Trid tkun waqajt f’livell ta’ meskinita’ li tgħajjar bniedem ieħor jew toħloq invenzjonijiet biex tipprova tkissirlu familja. Issa daħlet ukoll moda oħra. Barra li hemm nies li qed jużaw dawn il-fake profiles hemm oħrajn, jekk m’humiex l-istess, li tant iħaddnu kattiverja u krudelta’ li qed jibagħtu anke ittri anonimi lill-istess nies u l-familjari tagħhom.

Kulħadd għandu dritt jagħmel il-ġudizzju tiegħu imma jista’ xi ħadd jimmaġina li jintbagħtu messaġġi fejn jintużaw it-tfal, kbar u żgħar, biex idaħħlu feles bejn il-koppja miżżewwġa? Meta tmiss lit-tfal tkun missejt il-qiegħ u ebda skuża, ebda apoloġija, ebda bikja ma tista’ tħassar dak l-att ta’ ħdura.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-atti kodardi jsiru minħabba politika avversarja. Kienu jsiru, qegħdin isiru u jibqgħu jsiru. Imma hemm tip ta’ kattiverja oħra li qed isiru minn nies li suppost iħaddnu l-istess opinjoni politika. Fejn tista’ tasal aktar meta taqa’ daqshekk fil-baxx li toħroġ għidut falż biex tħammeġ lil xi ħadd li sa ftit gimgħat qabel kien spalla ma’ spalla miegħek.

Indikazzjonijiet jeżistu, ħsibijiet hemm, possibilita’ li joħroġ l-isem qiegħda viċin. Wara m’hemmx limitu. Wara m’hemmx aktar ħitan. Wara m’hemmx aktar limitazzjoni finanżjarja. Kif jiġi kkonfermat xi ħaġa l-azzjoni ser tittieħed u mhux ser tieqaf għal ebda apoloġija mitluba. Il-ħsara saret. Id-dannu jrid jitħallas, hu x’inhu u jasal fejn jasal.

L-ex Prim Ministru qalilna li biex isolvi att makabru ‘he is not leaving any stone unturned’. Aħna qed naħilfu li ser nagħmlu l-istess. Il-pulizija Maltija ġiet avviċinata. Nittamaw li r-risposti jaslu. Fuq IP addresses barranin ser jiġu mgħarrfa bihom l-awtoritajiet barranin u qed naħilfu li fejn ma jaslux flusna ser nisselfu mill-banek basta naslu għal dawn in-nies bla ruħ u ser inkomplu nistinkaw sa xħin naraw li dawn jieħdu dak li ħaqqhom.

Leave a Reply