Din mhux kawża ta’ tixħim iżda vendetta kontra l-avukat Charles Mercieca
Illum ħareġ ċar fil-qorti li l-persuna li nstiga din il-kawża kontra dawn iż-żewġ avukati huwa Philip Galea Farrugia. Infakkar li Philip Galea Farrugia hu l-prosekutur ewlieni fil-kawża kontra Yorgen Fenech. Infakkar li Galea Farrugia kien hedded lil Dr. Charles Mercieca b’prosekuzzjoni kontrieh waqt is-smigħ tal-kompilazzjoni kontra Yorgen Fenech wara li Dr. Mercieca kien qal li hemm frame-up kontra Yorgen Fenech. Infakkar li Dr. Mercieca kien jaħdem fl-istess uffiċju tal-avukat ġenerali ma’ Dr. Galea Farrugia. Infakkar li fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali hemm aktar minn avukat wieħed, biss Galea Farrugia ħareġ l-akkużi kontra Caruana Curran u Mercieca. Nistaqsi jekk dan jikkostitwixxix konflitt ta’ interess? Possibli ma kienx hemm ħaddieħor f’dan l-uffiċju tal-avukat ġenerali li seta’ joħroġ dawn l-akkużi? Għaliex qed ngħid dan? L-ewwel għaliex Galea Farrugia mhux hu l-avukat ġenerali. Hu l-assistent avukat ġenerali. It-tieni, għaliex illum fil-qorti ħarġet l-animożita’ fil-konfront ta’ Dr. Charles Mercieca. Dan ħareġ fil-mod kif dan l-avukat ġenerali, jiġifieri Galea Farrugia, qed imexxi l-proċeduri kontra dawn iż-żewġ avukati.
Din il-kawża dwar tixħim qed tidher quddiem il-Maġistrata Nathasa Galea Sciberras. X’ħareġ mis-seduta tal-lum?
L-ewwel insiru nafu li l-pulizija mexxew ex-officio, jiġifieri minn rajhom u mhux għax kellhom kwerela biex imexxu, jiġifieri ma kienetx The Times li talbet biex imexxu.
It-tieni. Insiru nafu li kien l-Assistent Avukat Ġenerali, Dr Philip Galea Farrugia li ħareġ dawn l-akkużi.
It-tielet. Insiru nafu li meta kien għaddej l-interrogatorju tal-imputati fid-depot, l-avukat Philip Galea Farrugia kien b’kumbinazzjoni preżenti fid-depot, biss ma kienx parti mill-interrogatorju. Verament dan l-avukat ġenerali ma għandux x’jagħmel biex ikun id-depot waqt li qed jiġu interrogati akkużati! Normalment l-ispetturi u l-pulizija jmorru għand l-avukat ġenerali u mhux l-avukat ġenerali jmur għandhom. Jidher li dan l-avukat ma tantx għandu xogħol l-uffiċju biex joqgħod imur id-depot meta qed ikunu interrogati nies li l-istess avukat ikun jixtieq li l-pulizija tmexxi kontra tagħhom.
Ir-raba’. Bil-proċedura l-ġdida, huwa l-Avukat Generali li jiddeċiedi jipproċedix kontra l-akkużati f’ċertu akkużi. Dik ta’ tixħim hija waħda minnhom li jrid jiddeċidi l-avukat ġenerali. Biss Dr. Philip Galea Farrugia mhux l-avukat ġenerali. Hu l-Assistent Avukat Ġenerali. Biss illum ħareġ li kien hu li ddeċida li jipproċedu u mhux l-avukat ġenerali li hija Dr. Buttigieg.
Il-ħames: Meta l-pulizija lestew din l-investigazzjoni, għaddew kollox lill-Avukat Ġenerali u kien l-Assistent Avukat Ġenerali, jiġifieri Dr Philip Galea Farrugia li jiddeċida jekk hemmx każ u jekk hemm każ, hemmx każ kontra ż-żewġ avukati jew xi wieħed minnhom. Dr Philip Galea Farrugia għall-Avukat Ġenerali ddeċida li l-pulizija għandhom imexxu kontra ż-żewġ avukati.
Is-sitta; ġara li l-Assistent Avukat Ġenerali ħareġ l-akkużi fil-konfront taż-żewġ akkużati sabiex Dr Charles Mercieca ma jkunx jista’ jinġib bħala xhud tad-difiża fil-proċeduri kontra Caruana Curran. Dan kien punt li jien għamilt fl-artiklu li ppubblikajt dalgħodu dwar dan is-suġġett.
Is-seba’. Niskopru li l-Avukat Ġenerali ma tax il-kunsens tiegħu sabiex il-każ jinstema bi proċedura sommarja, meta din hija kawza li għandha piena massima ta’ 3 snin ħabs u għalhekk tista’ tinstema taħt din il-proċedura. Biex tkun tista’ tinstema b’mod sommarju, l-avukat ġenerali jrid jagħti dan il-kunsens. Dr. Philip Galea Farrugia ma tax dan il-kunsens. Għamel dan biex iżomm kontroll fuq dawn il-proċeduri. Il-proċeduri jinsabu fi stadju ta’ prima facie, jiġifieri l-Qorti trid tiddeċidi hemmx mal-ewwel daqqa ta’ għajn, każ kontra l-akkuzati u jekk il-maġistrata tiddeċidi li hemm prima facie każ u Dr. Galea Farrugia jibqa’ ma jagħtix il-kunsens, il-każ jitmexxa għall-kumpilazzjoni u jitwal inutilment.
It-tmienja: Ix-xhieda li tellgħu llum kienu ħaddiema ta’ The Times, jiġifieri, Ivan Martin, Diana Cacciattolo u Hermann Grech. Dawn kienu akkumpanjati mill-avukat tal-kumpanija, jiġifieri Dr Paul Micallef Grimaud. Biss The Times inkarigaw ukoll lill-avukat, Dr Joseph Giglio, biex jirrappreżenta lil Ivan Martin. F’isem Ivan Martin, Dr. Giglio talab dikjarazzjoni mill-pulizija li mhux ser imexxu kontra tiegħu. Din intalbet qabel ma Ivan Martin beda jixhed. Il-pulizija tat din il-garanzija. Wara saret din id-dikjarazzjoni mill-pulizija, Ivan Martin beda jixhed u x-xhieda ġiet sospiża sakemm il-Qorti tagħti deċizjoni dwar il-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni rikordjata li għamel Ivan Martin lill-pulizija.
Id-disa’: Waqt is-smigħ, l-avukati tad-difiza, Dr Stephen Tonna Lowell u Dr Giannella de Marco staqsew lill-proskuzzjoni għad-“disclosure” ta’ din id-dikjarazzjoni reġistrata li għandhom ta’ Ivan Martin. L-ispettur Anthony Scerri għall-prosekuzzjoni kkonferma dan u kkonferma li informa lill-istess avukati li d-dikjarazzjoni ta’ Ivan Martin kienet reġistrata u wara konsultazzjoni mas-supretendent James Grech, iddeċidew li ma jagħtux din id-dikjarazzjoni lid-difiża. Għaliex ma jridux jagħtu din id-dikjarazzjoni? Għaliex qed jibżgħu l-pulizija? Jekk verament riedu jxaħmuh, għaliex dan il-ħabi kollu? Dan imur kontra kull prinċipju legali magħruf bħala “the principle of discovery”.
L-għaxra. U l-proskuzzjoni qalet lil-avukati tad-difiza li din id-dikjarazzjoni kien fiha biss il-konferma ta‘ Ivan Martin ta’ dak li kien hemm fil-gazzetta. Jekk kien fiha dan biss, għaliex dan il-ħabi kollu?
L-ħdax. Id-difiza xorta għamlet rikors li ġie ppreżentat dalgħodu stess biex ikollhom kopja ad-“disclosure” ta’ Ivan Martin. B’hekk il-Qorti ssospendit il-kontro-eżami ta’ Ivan Martin sabiex fis-seduta li jmiss il-Qorti tagħti deċiżjoni dwar din it-talba tad-difiża. Jiġifieri l-qorti tiddeċidi jekk id-difiza tingħatax kopja tad-dikjarazzjoni reġistrata ta’ Ivan Martin jew le. Id-difiża spjegat li r-rikors għamlitu dalgħodu għax sal-weekend il-pulizija baqgħu jirrifjutaw li jgħaddu kopja tad-dikjarazzjoni rekordjata ta’ Ivan Martin. Il-Qorti tat lill-Avukat Generali u lill-prosekuzzjoni tliet t’ijiem biex jirrispondu u ħalliet d-deċiżjoni għas-seduta li jmiss ta’ 17 ta’ Frar f’nofs in-nhar.
It-tnax. Mela fis-Seduta 17 ta’ Frar 2020 f’nofs in-nhar, il-maġistrata trid tagħti provvediment dwar it-talba tad-difiża sabiex jiġi preżentat d-dikjarazzjoni reġistrata li għamel Ivan Martin u l-pulizija tkompli bil-provi tagħha.