Adrian Delia u d-Dar tal-Providenza
Bħalissa għaddejja xalata ta’ kitbiet jiċċelebraw għax donazzjoni li kienet ser tirċievi d-Dar tal-Providenza twaqqfet minn xi ħadd nispera professjonali. Jekk kellu raġunijiet validi biżżejjed, sewwa għamel. Biss niddubita kemm dan hu minnu.
Imma ngħid jien din iċ-ċelebrazzjoni fuq il-mezzi soċjali qisha saret xi rebħa kbira għall-Partit Nazzjonalista jien jiddispjaċini ma nifhimiex. Minn dawn il-kummenti kollha toħroġ ċara li s-sostenituri ta’ Bernard Grech għamlu rebħa fenominali għax dak li prova jagħmel Dr Delia ma rnexxilux jikkonkludiha. Jason Azzopardi saħansitra kiteb li Dr. Delia ried jinganna lir-residenti u l-volontiera tad-Dar tal-Providenza.
Imma possibbli tifraħ għax intilfu l-flus għal persuni li tant għandhom bżonn l-għajnuna, l-anġli ta’ Fr Martin. Tgħid Fr Martin ferħan li tilef dawk il-flus kollha? Tgħid hemm xi ċelebrazzjoni u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza qed jagħmlu Party bħalissa għax tilfu, minħabba nuqqas ta’ “dokumentazzjoni”, nofs miljun Euro?
Kemm għad fadal nies pattetiċi. Kemm hawn nies b’moħħ fqir. Kemm hawn nies b’ moħħ ta’ piżella li jifirħu b’affarijiet bħal dawn. Kemm hawn nies ċwieċ jiġru mas-saqajn. Kemm hawn min hu aħdar fi kliemu. Kemm hawn min hu tant injurant li jifraħ għax intilfu flus, li kienu ġejjin minn barra l-pajjiż, u li kieku ġew kienu jgħinu lil din id-Dar apparti l-ammonti sbieħ li l-poplu Malti u Għawdxi dejjem offra. Din id-Dar għandha bżonn ħafna aktar, allura kif tifraħ li tilfet ammont ta’ Euro?
Ir-raġuni hija ċara. Il-medjatur li ressaq il-pledge f’isem din il-kumpanija barranija kien Dr Delia. Din lis-sostenituri ta’ Dr Grech qajmitilhom għajra li ma setgħux jikkontrollaw. Il-lum dawn in-nies bla moħħ għamlu rebħa kbira għax, b’miraklu kbir, forsi resqu ras-imb-ras ma’ l-avversarji politiċi tagħhom.
Imma possibbli dawn in-nies ħasbu li rebħu xi ħaġa għax Fr Martin tilef nofs miljun Euro li bihom kien jagħmel tant ġid lill-anġli fdati f’idejh. Kif spiċċat il-politika tal-Partit Nazzjonalista. Jifirħu għax l-ex-Kap tal-Partit meta għamel ġest nobbli u ressaq pledge ta’ ammont ta’ flus b’karita, fl-opinjoni tagħhom ħareġ tellief jew aħjar kien hemm xi ħaġa teknika li dawn il-flus ma jistgħux jaslu jew mhux qed jitħallew jaslu għand min kellu jirċivihom.
Nistaqsi, għax din xi ħaġa li tbellħek, x’għamel ħażin Dr Delia? Għax ressaq pledge, li anki meta ressqu, kien qal li issa d-Dar tal-Providenza trid tagħmel ir-riċerka tagħha? Jista’ xi ħadd jispjegali, mingħajr ħafna ewforija żejda, jekk Dr Delia għamilx din il-mossa biex jgħaddi biż-żmien lil Fr Martin jew biex idaħħal xi ħaġa fil-but? Jista’ xi ħadd jgħidli kif tasal biex tkanta vittorja għax il-flus mhux ser jiġu milquha? Jista’ xi ħadd minn dawn li werżqu fil-kitba tagħhom li saret rebħa kbira fuq l-għadu, fejn qed jaraw l-għadu u x’ser jagħmlu issa, la tant ferħanin, biex itaffu minn din id-daqqa finanżjarja li ħadet id-Dar tal-Providenza? Dan ir-raġel prova mhux għal gwadann tiegħu imma għar-residenti ta’ din id-dar. Skond dak li ħareġ mill-istess Dar ma tistgħax tilqa’ jew tirċievi dawn il-flus. Dawn mhumiex affarijiet ta’ ċelebrazzjoni. Dawn huma affarijiet ta’ qsim il-qalb. Li kieku veru kull min kiteb għandu għal qalbu l-karita’ kien jgħid li jiddispjaċih, mhux jifraħ, li dawn il-flus ma waslux. Jien ma nistgħax nemmen dak li qrajt u kif hawn nies b’moħħhom tant magħluq. Dawn in-nies mogħnija b’meskinita li tistmerra.
Skużawni imma ser ikollu ngħidha, kull min kiteb il-lejla wara li ħarġet l-aħbar b’turija ta’ sodifazzjon, għandu ħdura f’qalbu li jrid jara x’jagħmel biex ifieq minnha. Dawn huwa ġesti ta’ nies illupjati. Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux. Dawn huma affarijiet li lill-Partit Nazzjonalista jneżżawh mill-valuri tiegħu ta’ partit kristjan. Dawn huma affarijiet li lill-Partit Nazzjonalista ser ipinguh bħala partit bla ruħ u li tilef kull sens ta’ bilanċ politiku, soċjali u edukattiv. Din hija injoranza grassa. Flok inħarsu lejn it-telf kbir tad-Dar tal-Providenza nkantaw vittorja għax Dr Delia ma wasalx biex iwettaq dak li ippledġja. Sinjur Alla aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu