Għaliex il-Partit Nazzjonalista spiċċa fi stat tal-biki?
Minn osservatur politiku
Għaliex fuq Facebook qed naqraw aktar kummenti u tgħajjir bejn Nazzjonalisti stess milli bejn Nazzjonalisti u Laburisti? It-tgħajjir għandu jieqaf ġej minn fejn ġej. Biex tagħmel l-argument tiegħek ma hemmx għalfejn twassal għat-tgħajjir. Meta jibda t-tgħajjir ifisser biss li ntilef l-argument.
Fl-2017 il-Partit Nazzjonalista qala’ tkaxkira papali. Kif irreaġixxew l-amminstraturi dak in-nhar? Minn kif konna naqraw, minħabba d-diżastru miksub, daħħlu rashom fir-ramel u għajtu ‘coraggio fuggiamo’. Il-Partit Nazzjonalista sab ruħu ltim mil-kmand, iltim mid-direzzjoni, iltim mill-amministrazzjoni għax irreżenja kulħadd. Ħadd mill-istrateġisti ma ndenja ruħu jistudja ftit is-sitwazzjoni u jagħti xi ħjiel ta’ x’seta’ ġara lis-segwaċi tiegħu.
Dawn l-istess nies ħbew ir-rapport tal-2013 u ma rreagixxewx fl-2017. Sfortunatament għal dawn is-sostenituri tal-Partit għadhom sal-lum nieqsa minn din l-informazzjoni. Imbagħad biex ikomplu jgħaffġu dawn l-istess amminstraturi (temporanji) wara tkaxkira bħal dik, flok qagħdu f’rokna u ħallew it-tellieqa għal Kap il-ġdid issir bil-kwiet komplew jindaħħlu. Il-Kap uxxenti li qabad u rreżenja, li warrab u sparixxa, reġa’ tfaċċa u reġa’ għaffeġ kemm felaħ meta għadda messaġġ diviżiv fuq wieħed mill-kandidati.
Imma possibbli ma kienx għaffeġ biżżejjed? Kellu għalfejn jitfa’ l-melħ fuq il-ferita? Dak il-ħin dik li kienet diviżżjoni bejn erba’ sostenituri saret taqbida bla kontroll. Il-Partit ħa n-nar u ebda pumpier ma seta’ jsib tarfu u qatt ma rnexxielhom jitfgħu dan in-nar anżi għal kuntrarju kien hemm min kompla jitfa’ l-petrol.
Dawn in-nies ma jistgħux jiċħdu ma ħadd u qatt li kienu huma li żergħu l-mibegħda u l-ħdura bid-divizzjoni li ħolqu. Li ġara wara, jiġifieri fit-tliet snin ta’ wara, huwa kollu kemm hu responsabilita’ tagħhom. Dak li wettqu kien eżempju ħażin ħafna u estrem. Konna nistennew li jkun hemm vleġġeġ għaddejjin waqt il-kampanja għall-Kap, imma stennejna li tieqaf hemm. Li kollha kemm huma kellhom jaċċettaw ir-riżultat demokratiku, skond l-istatut u skond dak li, fuq kollox, ried wieħed minnhom.
Dan l-inkwiet bejn Nazzjonalisti ġabuh b’idejhom. Żgur li ma jistgħux iwaħħlu fil-Partit Laburista. Dan it-tgħajjir li beda minnhom, mill-kbarat, tas-saf ta’ fuq, ta’ dawk li suppost taw l-eżempju baqa’ niżel ma’ kull strata tal-Partit. Dan it-tgħajjir fil-grassroots tal-Partit kompla għax imitaw lill-parlamentari stess. Din id-divizzjoni fil-Partit ma setgħetx tiġi kontrollata minn ħadd għax ġiet moħmija minn grupp tant importanti fi ħdan il-Partit, il-grupp parlamentari. Kompliet tikber u tinżel f’livelli perikulużi għax kien hemm nies, li suppost jiġbdu rispett, li sfortunatament ħadu linja, anke huma, ta’ divizzjoni. Fil-politika kull supporter, ħafna drabi, jirrifletti ħsibijietu fuq dak li jgħid il-Kap jew fuq l-attitudni ta’ dak il-parlamentari fid-distrett tiegħu jew tagħha. L-eżempju jkaxkar. U sfortunatament hekk ġara.
Il-grassroots baqgħu għaddejjin u jmitaw lill-membri parlamentari tagħhom stess. Lanqas tista’ tagħtihom tort. Issa x’ser tagħmlu biex forsi tiġbru lill-Partit mill-frak? X’ser tagħmlu issa sinjuri tal-grupp parlamentari li aġixxejtu ta’ allat foloz u kissirtu Partit?