Il-kumment li ta’ David Thake dwar is-sitwazzjoni f’Tas-Sliema aktar ġab rabja milli paċi fil-Partit Nazzjonalista
Ftit tal-jiem ilu, qabel daħal il-parlament, l-Onor David Thake twaqqaf minn ġurnalist tal-One News biex jistaqsih xi mistoqsijiet. Il-mistoqsijiet kienu dwar dak li kien ġara fil-elezzjoni għall-kumitat sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista ġewwa tas-Sliema. Ir-risposta tiegħu kienet li ma għandux opinjoni.
Din ir-risposta ġabet rabja fost numru ta’ Nazzjonalisti minħabba l-fatt li dan huwa deputat li ħafna Nazzjonalisti kien imdorrija jisimgħuh jirrikordja telefonati tan-nies u kien jagħmilhom b’mod regolari fuq r-radio tal-Partit Nazzjonalista. Meta ġie mwaqqaf mill-ġurnalisti ta’ One, l-ewwel ħaġa li qal kienet li ser ixandar live dak li kien ser jiġri jew jintqal.
Numru ta’ Nazzjonalisti raw din l-azzjoni bħala waħda ta’ arroganza. Ħassew li dan id-deputat kien qed jilagħbha tal-arroganti mal-ġurnalista. Il-mistoqsija li staqsa tal-One News kienet dwar id-disgħa kandidati Slimiżi li rtiraw il-kandidatura tagħhom mill-kumitat ta’ Tas-Sliema.
L-Onorevoli Thake, li fl-2017 kien beda itella’ u jniżżel jikkontestax għal Kap tal-Partit. Wieħed li kien qed jaspira għal din il-kariga ma jistgħax iwieġeb ġurnalista b’dan il-mod; jiġifieri ma għandux opinjoni fuq il-każ: din qalha darbtejn.
Għal numru ta’ Nazzjonalisti, din it-tweġiba ġiet interpretata bħala li qed jgħaddi b’żmien lil dawk li rtiraw in-nomina tagħhom. Ma hux possibli li wieħed ma jagħmilx opinjoni fuq xi ħaġa li tkun ntqalgħet matul il-ġimgħa ta’ qabel. Numru ta’ Nazzjonalisti staqsew kif ma kellux opinjoni dwar kif ġew trattati Nazzjonalisti li kienu qed jagħtu ħinhom, b’mod volontarju, f’wieħed mill-kumitati tal-Partit?
Dan id-deputat ma ħassx li għandu jirrispondi għal domanda sempliċi b’tali mod li jipprova jerġa’ jiġbed lejh nies li kienu qed jiġu mġegħla jitbegħdu mill-Partit Nazzjonalista.
Bil-mod kif irrisponda, ta wieħed x’jifhem li dan ma jinteressawhx nies li kienu lesti jgħinu lill-Partit Nazzjonalista. Ma’ ħafna Nazzjonalisti, David Thake dejjem deher bħala dik il-persuna li dejjem għandu l-battuta pronta, dejjem isib xi jgħid u jaf joħroġ minn xi domanda diffiċli. B’hekk it-tweġiba tiegħu kienet interpretat bħala waħda li ma kellu l-ebda interess f’dawn in-nies.
Politiku ta’ stoffa kien jgħid li ma riedx jippronunzja ruħu fuq il-każ biex jħalli lill-uffiċjali tal-Partit jieħdu ħsieb huma. Fuq kollox, Thake ilu issa jibblokkja numru ta’ partitarji Nazzjonalisti għaliex ma qabilx mal-opinjoni tagħhom.
B’hekk kull min kellu, għandu jew jista’ jkolli xi problema mal-Partit, illum jaf li mhux ser isib ħajt ta’ kenn. Attitudni bħal din aktar tħarrax lill-qlub.