Dikjarazzjoni magħmula minn disa’ ex-kandidati għal kumitat sezzjonali Tas-Sliema u sitt ex-membri tal-kumitat sezzjonali Bormla
Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni riċenti tal-kumitati ta’ Tas-Sliema u ta’ Bormla, Dr. Bernard Grech ta risposta li kienet nieqsa mill-interpretazzjoni eżatta tal-fatti. Peress li naħsbu li dak li ntqal irriżulta minn nuqqas ta’ informazzjoni li l-Kap seta’ kellu, ħassejna li għandna nikkjarifikaw il-fatti.
L-ewwel net il-grupp ta’ disa’ kandidati minn Tas-Sliema ma rriżenjawx imma rtiraw il-kandidatura tagħhom minħabba raġunijiet li ma kellhomx assolutament x’jaqsmu ma’ l-aċċettazzjoni li Dr Grech huwa l-Kap. Dawn irtiraw il-kandidatura tagħhom minħabba diversi raġunijet fosthom
1) it-tgħajjir miktub u mqassam mat-tesserati tal-lokalita’ minn kandidat imniżżel fil-block vote li ma ġiex miċħud mis-sitt kandidati l-oħra fil-block vote
2) post diviżiv u insolenti mtella’ fuq il-Facebook page tal-kumitat ta’ Tas-Sliema (nafu minn min) kontra tagħna għax aħna appoġġjajna lil Dr. Delia fit-tellieqa għal Kap (jekk ma naċċettawx dan allura qed nimmilitaw f’Partit dittatorjali)
3) ġejna insulentati għax insejħu lil Dr Delia Kap, xi ħaġa li għadha ssir anke ma’ Dr Gonzi li mhux l-ewwel darba li sejjaħnielu Prim għalkemm m’għadux
4) ġejna mxandrin ma’ kulħadd li aħna kontra Daphne Caruana Galizia (RIP) mingħajr ma kkonsidraw ir-relazzjoni li wħud minnha kellna magħha
5) ġejna wkoll ittimbrati bħala nies giddibin u tradituri
6) konna diżappuntati ħafna minn dak li ħareġ minn laqgħa mal-kummissjoni elettorali nterna.
Dawn tawna x’nifhmu li ser jittieħdu passi korrettivi biex fil-ġurnata tal-elezzjoni t-tellieq kienet ser tibda on level playing field. Sfortunament kull ma sar kien li ntbagħtet email lill-kandidati kollha biex minn dak il-ħin sal-elezzjoni ma’ jittellgħux kummenti diviżivi għax titieħed azzjoni, email li ħallietna b’togħma qarsa ħafna. Fuq dak li sar qabel ma kien hemm l-ebda rimedju. Meta tlabna għal xi tip ta’ dixxiplina dwar it-tgħajjir personali sfaċċat li sar qalulna li tard wisq u meta tlabna lista tat-tesserati bqajna b’xejn.
Huma dawn ir-raġunijet imsemmija li wassluna biex nieħdu d-deċizzjoni li ħadna. Kienet ukoll il-passivita’ imsemmija min-naħa tal-kummissjoni elettorali li kompliet saħħitilna l-fehma li ma konniex ikkonsidrati b’mod ekwu ma’ sħabna l-kandidati l-oħra.
Il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet ta’ Tas-Sliema u ta’ Bormla kienet kontinwa. Meta ta’ Tas-Sliema waslu għad-deċizzjoni tagħhom u ġew mgħarfa l-kollegi Bormliżi, is-sit membri tal-kumitat ta’ Bormla ddeċidew li jagħtu r-riżenja tagħhom en bloc bħala sinjal ta’ appoġġ lejn il-kandidati Slimiżi.
Nerġgħu nikkontendu u nagħmluha ċara li d-deċizzjonijiet ittieħdu minħabba r-raġunijiet inċitati hawn fuq. Ma kellu x’jaqsam xejn li xi wieħed jew waħda minnha ħadna dawn id-deċiżżjonijiet minħabba r-raġuni msemmija minn Dr Grech li aħna ma aċċettajniehx bħala Kap tal-Partit.