Ittra ta’ Manuel Dimech dwar it-tgħalliq tal-Lajs

Qed inġib ittra meħuda mill-gazzetta Li Standard tal-Melitin – Giurnal Republican li kien joħroġ Giuse’ Bugeja. Manuel Dimech kien bagħatlu din l-ittra li kienet tikkonċerna karattru partikolari tat-tieni nofs tas-seklu dsatax. Dan hu Rosario Mizzi, magħruf bħala l-Lajs. Il-Lajs kien magħruf sew f’dik il-ħabta. Mhux l-aktar għax kien jilgħab iżda għan-numru ta’ nisa li kien mar magħhom u taqqalhom. Biss darba għamel waħda li baqgħet tinkiteb. Fettillu mar ma’ seftura ta’ mħallef. Dak li kien hemm partikolari f’din ir-relazzjoni sesswali kien il-fatt li dan l-imħallef kien qed ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ din il-mara. Jew ma kienx jaf jew għamilha apposta, il-Lajs iddeċida li jmur magħha!

Hekk beda l-inkwiet għal Lajs. L-imħallef ħalef li jpattihielu. Kien kornieh u fil-kodiċi tal-unur ta’ dak iż-żmien, jekk int raġel u jkornulek lill-martek, mur sib lil min kornihielek u oqtlu. F’dan il-każ, il-Lajs ma marx mal-mara tal-imħallef iżda mal-ħabiba jew il-partner. Biss l-imħallef xorta ħass li dan kien affront għalih personali daqs li kieku mar mal-mara tiegħu stess. Imbagħad ma’ din is-seftura kien mar għakkar bħall-Lajs.

Tant kemm kien kodiċi qawwi f’dik il-ħabta li kien anki parti mill-kodiċi kriminali. Jekk raġel jaqbad lill-mara fis-sodda ma’ persuna oħra u joqtolhom, ma kien jeħel xejn. Dan kien kodiċi li jmur għal żmien in-Normanni jekk mhux ukoll għal żmien l-Għarab.

Biss l-imħallef ma kellux il-kuraġġ jaffronta lill-Lajs personalment. Fuq kollox, dik l-anqas kienet martu. Biss ried b’saħħa kbira jpattihielu. B’hekk bl-għajnuna tal-pulizija u d-direttur tal-ħabs kien tħejja pjan biex isibu l-Lajs ħati ta’ delitt li qatt ma għamel. Il-pulizija xlew lil Lajs bil-qtil ta’ persuna li kien instab mejjet ġewwa l-Kanal tal-Marsa. Sal-lum għadu mhux ċert jekk dan ir-raġel inqatilx jew mietx b’mewta aċċidentali wara li kien waqa’ l-baħar u għereq. B’għaġeb tal-għeġubijiet, il-Lajs instab ħati u ntbagħat għat-tgħallieq.

Hu fatt magħruf li fil-ħabs, il-ħabsin kienu jkunu jafu min verament hu ħati u min mhux. Fuq kollox, meta tħejja dan il-komplot kontra l-Lajs, Manuel Dimech kien il-ħabs u sema’ kollox. B’hekk kien jaf bl-istorja tal-Lajs. Min-naħa tiegħi, jien nafha fuq livell ta’ familja, peress li wieħed mis-subien illeġittimi tal-Lajs iżżewweġ lill-oħt in-nannu matern tiegħi. Dan ir-raġel jiġi wkoll mill-ex-President ta’ Malta, Agata Barbara.

Fl-edizzjoni tal-5 ta’ Marzu 1904, Dimech kiteb ittra iebsa ħafna kontra l-avukat tal-kuruna dwar it-tgħalliq ta’ Rużar Mizzi (Il-Lajs). Nirringrazzja lil George Glanville li ġabili għall-attenzjoni tiegħi.

X’inhi din tiegħek, li taf li Rużar Mizzi ġie mibgħut fil-barbrua (fil-folka) u mbagħad ma trid tagħmel xejn biex… biex… ma nistgħax ngħid li inti kompliċi mal-ħalliefa foloz u ma’ dawk li xtrawhom? Kun għaf, sur avukat, li jien Emmanuel Dimech, hekk ikolli ngħid li inti kont kompliċi ma’ dawk il-ħatbiet tal-infern – jekk ma tfittix tagħmel dmirek. U dmirek dan hu, taf? Għax int m’intix avukat tal-gvern biex tagħmel dak li jixraq.

Rieqed m’intix u għalhekk ma tistgħax tgħid li ma smajtnix ngħid li JENA NAF LI RUŻAR MIZZI CHIEN MGHALLAQ B’CONFOFFA MINSUGIA CONTRA IL HAJJA TIGĦU FIL HABS TA CORDIN.

Jekk m’inix ngħid is-sewwa, jien ħati, u bħala ħati għandek tqum kontra tiegħi. Jekk jien qed ngħid is-sewwa, għandek tqum kontra dawk li ħalfu u gidbu kontra dak li msejken u bgħattuh il-biċċerija.

Jekk, inti, sur avukat, ma tagħmilx waħda minn dawn it-tnejn, jiena ngħid issa, u ngħid ’il quddiem, u nibqa’ ngħid sa mal-mewt tagħlaqli fommi, li INTI ĦATI DAQS DAWK LI GĦAMLU IL-KONFOFFA BIEX QERDU, BLA MA KIEN ĦATI IL-MARTRI LAIS.

Leave a Reply