Għaliex Keith Arnaud ma staqsiex lil Yorgen Fenech min kien verament “Ivan” li nfurmah li kien ser jiġi arrestat?
Meta l-Ħamis tkompliet il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech quddiem il-Maġistrata Rachel Montebello, tela’ jixhed is-Supretendent Keith Arnaud. Dak li ħareġ mix-xhieda tiegħu hu l-fatt li l-pulizja qed tmexxi t-teorema li Yorgen Fenech ried jaħrab minn Malta meta din hija gidba mill-bidu sa l-aħħar. Din kienet mawra ta’ rutina minn Yorgen Fenech li ġiet mibdula fi trabokk kontra l-istess Yorgen Fenech bl-għajnuna tal-media. The Times of Malta pinġiet lil Yorgen Fenech bħala l-persuna li kien qed jaħrab minn pajjiżna.
Mela biex wieħed jifhem eżattament x’ġara dak in-nhar li Yorgen Fenech ġie arrestat, wieħed irid jistudja dak li qal Keith Arnaud fil-qorti, waqt is-smigħ tal-kumpilazzjoni li saret il-Ħamis, 28 ta’ Jannar 2021. Fuq kollox, wieħed irid janaliża wkoll dak li ma qalx is-Supretendent Arnaud. Dak li qal Arnaud fil-qorti qiegħed fil-gazzetti. Jien kelli ċans anki nikteb numru ta’ artikli dwar din ix-xhieda bl-Ingliż. Arnaud għamel ħafna suppożizzjonijiet għaliex Yorgen Fenech kien ser jaħrab biss meta l-avukat tad-difiża staqsih jekk hux vera li fil-messaġġi ta’ Yorgen Fenech kien hemm li huwa ġej lura Malta ASAP ma kienx kapaċi jwieġeb. Għaliex?
Biss hemm aktar minn hekk. Min kien dak il-ġurnalista li għadda l-informazzjoni lil Yorgen Fenech li kienu ser jarrestawh? Ara fuq dan il-punt Arnaud ma qal xejn? Veru li din l-informazzjoni, jiġifieri li Yorgen Fenech kienu ser jarrestawh sar jafha minn ġurnalista jismu “Ivan”? Imma min hu dan “Ivan”? F’dik il-ħabta kien hemm żewġ ġurnalisti bl-isem ta’ Ivan. Wieħed huwa Ivan Martin u l-ieħor huwa Ivan Camilleri.
Infakkar li dan is-suppost tip off tal-arrest ta’ Yorgen Fenech wasal fin-news room ta’ The Times. Xi ħadd “Ivan” bagħat messaġġ lil Yorgen Fenech li kienu ser jarrestawh. The Times kienet wasslet għall-konkużjoni li dak li għadda din l-informazzjoni kien Ivan Camilleri. Kif wasslet għal din il-konklużjoni The Times of Malta? U jekk kien Ivan Camillieri, għaliex dan ma ġiex arrestat u mixli mill-pulizija li pprova jgħin qattiel jaħrab minn Malta?
Nixtieq nemfasizza fuq dan il-fatt. Għaliex is-Supretendent Arnaud ma staqshiex lil Yorgen Fenech min hu sew dan “Ivan” li qallu li kien ġejjin jarrestawh? U għaliex il-pulizija ma ħadux passi kontra dan “Ivan” jekk verament dan għadda din l-informazzjoni lil Yorgen Fenech u minħabba din l-informazzjoni Yorgen Fenech fittex biex jaħrab jiġri minn Malta?
Li hu fatt hu li meta Yorgen Fenech sar jaf li kienu ser jarrestawh mingħand dan “Ivan”, Yorgen Fenech bagħat messagg u staqsa jekk jistgħax jitlaq bid-dgħajsa u t-tweġiba kienet li ma hemmx problemi. Fuq kollox, għaliex Yorgen Fenech ma kellux faħam miblul, bagħat messaġġ lil persuna li skont ix-xhieda ta’ l-istess Arnaud hija magħrufa min Yorgen Fenech bis-sigla ta’ K u dan qallu li kollox “clear”. Din il-persuna qed tkun mitqiesha bħala li hija Keith Schembri. Jekk dan hu minnu, dan kien ikun jaf żgur kieku kienu ser jarrestaw lil Yorgen Fenech. Yorgen Fenech bagħat dan il-messaġġ biex jekk vera kienu ser jarrestawh, huwa kien jibqa’ d-dar. Il-mod kif xehed Arnaud biddel il-kuntest kollu tal-istorja ta’ din il-mawra fi Sqallija.
Fuq kollox, kieku verament Yorgen Fenech ried jaħrab, kif ġa kelli ċ-ċans nikteb, huwa seta għamel dan qabel. Kif kont ktibt, Yorgen Fenech kien għadu ġej minn Franza. Kieku ried jaħrab, kien jibqa’ barra u ma jiġix Malta u mhux kif ta x’jifhem jew emmen Arnaud li Yorgen Fenech irid jitlaq lejn Sqallija biex minn hemm jibqa’ sejjer lejn Franza. Jekk trid taħrab, tmur in-Nicaragua jew xi pajjiż ieħor tas-South America u mhux lejn Franza!
B’hekk mawra ta’ turina fi Sqallija ġiet mibdula fi spettaklu ta’ ħarba kolossali. Dan kollu, għax Yorgen Fenech emmen li ma kien hemm xejn kontra tiegħu u ma kienux ġejjin jarrestawh. Għax emmen li kollox kien “clear” spiċċa s-suġġett ta’ arrest kolossali. B’kumbinazzjoni, il-pulizija toħrog tiġri biex taqbdu f’nofs ta’ baħar u b’kumbinazzjoni The Times tagħtina l-istorja li l-pulizja qabduh meta kien qed jaħrab! U b’kumbinazzjoni Yorgen Fenech kellu tip off mill-ġurnalista ta’ The Times. B’kumbinazzjoni Ivan Camilleri jispiċċa jitkeċċa mit-Times minħabba dan it-tip off, meta dan hux minnu! Fi kliem ieħor, Ivan li bagħat lil Yorgen Fenech dan il-messaġġ hu ħaddieħor. Issa għiduli intom jekk dan hux frame-up jew le?
Imbagħad tibda tikteb dwar dawn il-fatti u dawn l-affarijiet u dawk li jemmnu lill-familja Caruana Galizia u lil Jason Azzopardi jibdew jgħidulek li inti “conspiracy theorist”.