Tkompli l-inkjesta tat-“tliet imħallfin” u jkompli t-taħwid

Illum, it-tliet imħallfin iltaqgħu biex ikomplu bl-inkjesta pubblika. Il-laqgħa tal-lum kienet sfida ċara lill-Prim Ministru Robert Abela peress li dan kien iddikkjara li din l-inkjesta ngħalqet. Il-messaġġ li qed jintbagħat huwa li f’Malta jmexxu l-familja Caruana Galizia u mhux il-Prim Ministru Robert Abela.

Biss dak li laqgħatni llum fis-smigħ tal-inkjesta kienu żewġ punti. L-ewwel punt hu dak fejn l-imħallfin qalu li huma qed isegwu l-proċeduri tal-inkjesti li jsiru fir-Renju Unit. It-Taljani jgħidu “magari” li dawn qed isegwu dawn il-proċeduri! Dan li għandha hija inkjesta “à la Maltaise”.

It-tieni punt kien dan. Dan l-istess bord irrimarka li f’dan l-istadju, il-preżentazzjoni ta’ evidenza ġiet fi tmiemha. Fl-istess ħin li l-imħallfin ġew rrapurtati li ddikjaraw li l-evidenza hija magħluqa, qalu li ser jisimgħu x-xhieda ta’  Mark Anthony Sammut. Sammut ser jittella’ jixhed fit-8 ta’ Frar fis-2pm. Hawn taħt hawn kif ġiet irrappurtata din l-istorja.

Imbagħad, Therese Commodini Cachia tinforma lill-Bord li hemm tliet xhieda li għad iridu jixhdu.  Jista’ xi ħadd jispjegali kif fuq naħa, l-imħallfin jgħidu li l-provi magħluqa u fuq in-naħa l-oħra qed jaċċettaw li jieħdu xhieda ġdida? Il-provi magħluqa jew le? Meta l-avukata Therese Commodini Cachia infurmat lil Bord li għad baqgħalha tliet xhieda oħra, il-Bord ma nfurmahiex li l-evidenza hija magħluqa?  Kif lanqas qalulha li f’inkjesta pubblika hu l-bord li jitlob li jinstemgħu x-xhieda u jkun il-Bord li jsaqsi min huma xhieda u jkun l-Bord li jiddeċedi għandhomx jinstemgħu dawn ix-xhieda jew le? Insomma ħawwadni ħa nifhem!

Imbagħad niskopru li lill-avukat tal-istat ma għaddewlux id-dokumenti. Fi kliem ieħor dan ġie ridott għall-istess livell tal-Għaqda Repubblika. Dan iwassalna għal skoperta ġdida. Insiru nafu li l-Għaqda Repubblika għamlet talba għad-dokumenti. U la hija inkjesta pubblika, x’dokumenti talbu li jaraw l-Għaqda Repubblika?  U għaliex dawn is-submissions li l-Bord qal li rċieva mingħand l-Għaqda Repubblika ssirna nafux x’fihom illum?

Infakkar ukoll li l-Avukat tal-Istat intervjena wara li ġiet mibgħuta ittra ta’ ilmenti lill-Kunsill tal-Ewropa u mhux għax il-Bord ħass li kellu jkun hemm l-Avukat tal-Istat kif inhija l-procedura fil-liġi Ingliża. Fi kliem ieħor kif qal Dr. Soler stess, hu ddaħħal tard f’din l-inkjesta. U jekk iddaħħal tard, kif jista’ l-Avukat tal-Istat jagħmel submissjoni tiegħu u jippreżenta xhieda? Mela l-avukat tal-istat jista’ jmur kontra l-istess Prim Ministru li qal li din l-inkjesta hija magħluqa! Jekk jagħmel submissjonijiet jew jippreżenta x-xhieda f’dan l-istadju jkun ifisser li l-avukat tal-istat qed jirredikola l-istess deċizzjoni tal-Prim Ministru.

B’hekk, bil-mod ta’ kif tkellem l-avukat Soler, hu għamilha ċara, imma bil-pulit, li l-Gvern ma jridx ikun parti minn dan it-tħawwid kollu. U għamel sewwa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *