Mhux aċċettabli li Kevin Wain jitfa’ dell ikrah fuq nies bħal Tony Galea, John Pillow u Anton Debono
Il-prattika tal-Block Vote hija diffuża u għalkemm etikament skorretta, hija meqjusa bħala prassi aċċettata. Li mhux aċċettabbli hi li jintefa xi dell fuq nies bħal Tony Galea, John Pillow u Anton Debono fost l-oħrajn għax huma nies li ħlief ġieh lill-PN m’għamlux. Nifhem li kulħadd ikun irid il-klikka tiegħu iħda li tħammeġ nies sempliċiment għax isejħu lil Adrian Delia ‘Kap’ u skond Kevin Wain, ‘anti-Daphne’ ma jagħmel sens ta’ xejn.
Ilni nimmilita fil-PN minn tfuliti. Ma kontx konxju li biex tkun Nazzjonalist trid tkun bilfors ‘pro-Daphne’. Ma nista’ nsibha mkien din il-klawsola fl-istatut il-ġdid… M’għandix wisq xi ngħid kontriha, iżda ma nistgħax naqbel ma kull ma kitbet lanqas. Moħħi Alla tahuli biex naħseb għal rasi u mhux biex nagħmel minn kitbet ħaddiehor il-vangelu tiegħi.
Bl-istess mod ma nħossx li l-fatt li jien stess insejjaħ lil Adrian Delia Kap hija xi ħaġa ħażina. Jien bħal ħafna oħrajn għadni nsejjaħ lil Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi ‘Prim’ minkejja li l-ebda wieħed minnhom m’għadu Prim Ministru.
Jien wiehed minn dawk li għadhom jopponu lil Bernard Grech mhux tant għax għandi kontra l-persuna, iżda minħabba li f’moħħi u qalbi huwa użurpatur tar-rwol ta’ kap li ma kellux ikun tiegħu qabel iż-żmien. Għaldaqstant, għax nemmen li l-PN huwa storikament difiża tad-demokrazija, ma nistgħax naċċettah bħala kap.
Nerga lura għal Daphne. Illum fost il-favoriti tal-‘kap’ ġdid hemm nies li Daphne attakkathom bla ħniena. Allura dawn saru pro-Daphne issa? Dawn denji li jissejħu Nazzjonalisti bil-kejl tas-Sur Wain u sħabu ? Dawn aċċettati mill-klikka?
