Il-block vote f’Tas-Sliema hu etikament korrett?

Messaġġ mingħand ex-Nazzjonalista

Qed nibgħatlek dawn l-erba’ kelmiet fuq is-sitwazzjoni politika li għaddejja f’Tas Sliema bħalissa u nispera li twassal dan il-messaġġ tiegħi. Jiena kont votant Nazzjonalista imma llum qed nivvota lil Partit Laburista. Illi nivvota Lejber mill-2013 u ma jiddispjaċinix. Biss xorta bqajt ninteressa ruħi f’dak li qed jiġri fil-kamp Nazzjonalista. Qed nosserva b’interess kbir dak li hu għaddej bħalissa ġo Tas-Sliema, il-lokalita’ tiegħi. Ma nistgħax nifhem dan l-inkwiet kollu fuq  sempliċi elezzjoni interna ta’ kumitat sezzjonali.

Jien ser nistaqsi mill-ewwel, u bħali qed jagħmlu ħafna Laburisti u ex-Nazzjonalisti: qed jinqala’ dan il-ħmieġ u nkwiet kollu fuq xi ħaġa interna ta’ livell volontarju, mela x’ser jiġri meta tasal l-elezzjoni u tibda t-taqtiha għas-siġġu fil-parlament bejn kandidati tal-istess partit?

Illum l-anqas għadni insegwi Net News. Jekk trid tkun taf xi ħaġa fuq il-Partit Nazzjonalista ara l-One.  Dawn l-aħħar jumejn, il-One News tana informazzjoni dettaljata fuq il-block vote li għaddej ġo Tas-Sliema. Ħaġa tal-iskantament, dan ġie strumentat minn membru li hu wkoll kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema fl-istess Partit Nazzjonalista.

Niftakar sewwa li dan il-bniedem huwa persuna li l-One News tagħtu coverage tajjeb ġranet ilu meta tellgħet filmat tiegħu rieqed waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali Sliema. Jiena mhux ser nidħol f’dettalji mediċi li huwa semma. Biss kieku jien flok is-Sur Kevin Wain kont noqgħod attent ħafna iżjed milli nagħmel affarijiet mhux idejali meta naf li diġa spiċċajt fuq xandir televiżiv mill-avversarji politiċi tiegħi. Noqgħod ħafna aktar kawt fl-azzjonijiet tiegħi meta għandek stazzjon televisiv li qiegħed għassa tiegħek.

Din it-tgħaffiġa eċċezzjonali li għamilt f’dawn l-aħħar jumejn ħarġet ċara fuq ix-xandir u dan l-iżball tiegħek tefa’ l-partit tiegħek stess f’dilemma li lanqas jafu x’ser jaqbdu jagħmlu u ser ngħid għaliex.

L-ewwel, għalkemm Kevin Wain jidher li qabad ir-rigni hu, ninnota li ħadd minn sħabu li ssemma fil-block vote tiegħu ma’ tbiegħdu jew ċaħdu dak li kiteb. Kont nistenna li jitbegħdu minnu.

It-tieni, b’dak li sar, Kevin Wain kompla ħoloq firda kerha bejn votanti li jissimpatizzaw mal-Partit Nazzjonalista. Dan ir-raġel irnexxielu jżid fil-qsim li jidher ċar li hemm fi ħdan il-partit u fuq din il-lokalita’. Dan Wain li jidher li jikteb mingħajr ma jixtar u li jixtar wara li jikteb u jgħaffeġ, ġab lil partit tiegħu stess fi stat ta’ paniku li mid-dehra ma jafux x’ser jaqbdu jagħmlu. Dan il-bniedem ma ndunax li b’għemilu ttriplika d-divizzjoni li diġa teżisti u kompla ħoloq aktar dubbji fl-imħuħ tal-ħafna Nażżjonalisti residenti ġo din il-lokalita’ li xi darba kienet fortizza Nazzjonalista.

Mela r-responsabilita’ ta’ persuni bħal Wain ser tikber iżjed għax ħoloq ambjent ta’ taħwid u ġlied li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ interess mill-votanti Slimiżi li jistgħu jabbandunaw il-votazzjoni fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

It-tielet, toħroġ ċara n-nuqqas ta’ preparazzjoni politika ta’ dan il-kunsillier u nuqqas kbir ta’ etika politika minnu u ta’ ommu. Kull ma jikteb dan il-ġuvnot jidher li għandu l-barka ta’ ommu għax tikkummenta fuq kull kitba ta’ binha u twieġeb lil kull min jikkritikah.

Ir-raba u l-aħħar punt li nixtieq nagħmel huwa li fuq il-One news rajna lil Dr Grech jonqos li jirrispondi domanda diretta mill-ġurnalist tal-One dwar dan il-block vote ġewwa Tas-Sliema. Bla ma trid tistaqsi: l-amministrazzjoni tal-Partit ma nfurmatx lil Dr Grech x’inhu għaddej; tant hija sitwazzjoni imbarazzanti li ma ridtx jirrispondi; tant hemm nuqqas ta’ dixxiplina u kulħadd jagħmel li jrid li Dr Grech ma setgħax jirrispondi; tant juri, li kif ilhom jgħidulu li hu m’huwiex l-Kap, li ried jistenna biex jgħidulu kif ser jirrispondi; jew tant it-taħwid tela’ f’livell għoli li lanqas Dr Grech stess ma jafx fejn ser jaqbad jagħti rasu.

Dak li nista’ ngħid li jien kont wieħed minn dawk li bdejt naħseb li nerġa’ nivvota lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li jmiss għaliex ma għadni xejn kuntent bil-Gvern tal-Lejber. Iżda b’dak li qed nara li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar jiem, żgur li mhux ser ikun wieħed minn dawk li nerġa’ nagħti l-vot tiegħi lill-Partit Nazzjonalista jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif sejrin.

Leave a Reply