Dak li għaddej bħalissa juri li Bernard Grech mhux veru jrid l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista

Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista

Ħambaq Dr Bernard Grech. Għajjat Dr Grech. Stinka Dr Grech. L-għajta tiegħek għall-għaqda hija għajta fid-deżert u mhix sinjal sinċier li trid verament tressaq lejn il-partit lil kull min fadallu ċertu dubbji. Ħa naraw intix ser tiddefendi nies viċin tiegħek li qed ixerrdu d-diviżjoni fi ħdan il-partit stess. Ħa naraw xi kwalita ta’ dixxiplina ser tuża biex twassal il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista ma jittolerax kummenti diviżivi jew attakki diretti fuq Nazzjonalisti bħalhom. Ħa naraw intix ser tagħmel differenza bejn dawk in-nies li għażlu ismek jew isem il-kandidat l-ieħor fit-tellieqa għal kap. Jiena ser inkun qed nistenna b’ċertu ħeġġa, id-deċiżjoni u d-direzzjoni tiegħek biex turi lil kulħadd li inti għandek bżonn lil kull u saħansitra ser tattira lil min m’għandux kulur politiku tiegħek u lil dawk li s’issa jħaddnu l-kulur oppost.

Infakkrek fi żewġt posts li dehru fuq Facebook, wieħed minnhom minn Alan Abela Wadge. Infakkrek fil-messaġġ diviżiv li bagħat Jamie Vella fejn attakka deputat Nazzjonalista għaliex dan id-deputat iħaddan twemmin Kattoliku. Infakkrek li int ftaħart li kont fil-moviment ta’ Kana u l-arċisqof tad-djoċesi Maltija, Charles J. Scicluna, kien u għadu b’qalbu kollha warajk.

Biss jekk inti m’intx ser tieħu azzjoni ser ikun jidher ċara li l-partit tagħna sar partit li ma fadallux twemmin fuq il-prinċipji li jħaddan.

Dan mhux attakk fuq il-liberta tal-kelma. Dawn għandhom dritt jesprimu dak li jemmnu iżda dan ma jistgħux jesprimuh, kif qed jagħmlu, f’isem organizzazzjoni politika. Din mhix aktar kwistjoni jekk il-Partit Nazzjonalista jemmen jew le fid-diversita tal-ħsieb. Din hija kwistjoni jekk il-partit għadux mużajk ta’ ħsibijiet. Fuq dan dejjem ippridkajna man-nies tagħna. Biss issa ma għandix nitkellmu fuq mużajk ta’ ħsieb. B’dawn il-messaġġi, iridu neskludu nies minn fostna għaliex dawn ma jħaddnux l-abort, jew għaliex dawn iżommu mal-prinċipji bibbliċi fejn tidħol is-sesswalita’ u r-riprodottivita’ jew inkellha għax ma humiex parti mill-klikka tiegħek.

Dak li trid int u sħabek huwa partit li jiġbor warajh biss lil dawk li b’għajnejhom magħluqa jimxu wara kull ma tgħid inti. Trid it-tesserati jsiru pappagalli. Trid lilna t-tesserati biex inkunu kollha kemm aħna b’moħħ ta’ piżella għaliex ma nkunux nistgħu nuru l-opinjoni tagħna.

Ovvjament dan l-atteġġjament jien, u ċert li hemm ħafna oħrajn bħali, m’aħniex ser naċċettawh. Jiena ilni snin twal ngħid u nesprimi l-ħsibijiet tiegħi mingħajr ċensura. Imma jekk issib iċ-ċwieċ li itellgħu tgħajjir, insulti u addirettura attakki diviżivi kontra Nazzjonalisti għaliex ma jaqblux mat-twemmin tagħhom u dawn ma jiġux iddixplinati, allura l-messaġġ tiegħek qed ikun ċar, qawwi u dirett. Int qed tgħid lil nies bħali li ma għadx fadallilhom post fil-partit li tmexxi inti. Jiena mhux lest nitlef il-liberta’ politika li nesprimi ruħi fid-dar tiegħi. Dan iwassal biss għal stat li ma jkollix triq oħra li mmur nwassal il-ħsieb tiegħi fit-toroq, qalb kull Malti/ja u Għawdxi/ja, jew kontra qalbi f’dar ħaddieħor li jurini li hu aktar tolleranti mil-familja tiegħi.

Leave a Reply