Analiżi tal-body language taż-żewġ mexxejja politiċi fid-diskorsi li għamlu l-bieraħ
Analiżi politika minn partitarju Nazzjonalista
Il-kesħa u l-pandemija kellhom effett fuqi llum b’tali mod li bqajt ġewwa u għal dnubieti, kif ġieli qalu xi politiċi, qadt nisma’ liż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi jgħaddu l-messaġġi tagħhom minn fuq il-pulptu. Hawn min jaħseb li hu ħela ta’ ħin imma jiena bħala ċittadin inħoss li għandi nisma’ biex nixtar, nifhem u meta jiġi l-waqt niddeċiedi. Jiena ma noqgħodx fuq dak li nisma’ biss fil-kampanja elettorali. Għalija mportanti li nisma’ kull meta nista’ ħalli nifhem aħjar dak li jkun qed jiġi offrut.
Il-Prim Ministru kien Ħal Tarxien u l-Kap tal-Oppożizzjoni kellimna min-Nadur, Għawdex. Qatt nisma’ l-ftaħir, il-kritika għal xulxin, dak li qed isir, dak li ser isir. Kollu tajjeb għax permezz ta’ hekk tifhem aħjar x’qed iberren fil-politika nazzjonali. Biss llum nixtieq inħalli barra l-kontenut tal-priedki u nitkellem fuq affarijiet meqjusa sekondarji imma mportanti. Ser inħares lejn il-lingwa tal-ġisem (body language). F’ġurnata kiesħa bħalma hi llum iż-żewġ mexxejja jidhru li ma jħossux bard.
Mela quddiemhom kellhom lil kulħadd imgezzez u huma qmis u ġlekk. Dawn jaħsbu li ser jimpressjonawna billi juruna li huma macho. Dawn jaħsbu li jekk jilbsu l-kowt sejrin innaqsulhom xi penż. Naħseb li jekk ikunu komdi fuq il-pulptu l-priedka toħroġ aktar b’mod tajjeb u meqjuż.
Mela f’Ħal Tarxien, imdawwar bi ftit nies, il-Prim Ministru għamel id-diskors tiegħu. Fih ifakkarna fuq dak kollu li qed jagħmel bħala gvern u ovvjament jiftaħar bil-kapaċitajiet tiegħu. Tistennieha. Imma għamel dan bi trankwillita’, bi ħsieb ċar, b’elokwenza, bl-leħen sod imma bax u mingħajr xeneġġjaturi. Il-messaġġ wasal u min kien fil-pjazza ta’ Ħal Tarxien deher kuntent u kompla jindem minn dnubietu u forsi jifhem aħjar.
Mhux l-istess jista’ jingħad għan-Nadur. Fin-Nadur xi ħaġa marret żmerċ, apparti l-ġiġifogu li ġie milqugħ bih Dr Grech. Ovvjament kollox irranġat mill-ħabib tal-qalb tan-Nadur. Hemm kien qed jilgħab home. In-Nadur hu ta’ Dr Chris Said. Sa hemmhekk kollox sewwa. F’dak il-bard in-numru ta’ nies kien ikbar minn Hal Tarxien imma minħabba l-pandemija xorta ma setgħux jitgezzu ma xulxin u allura xorta dehru qed iħossu l-bard. Il-Kap tal-Oppożizzjoni daħħalha f’rasu li hu mhux ser iħoss il-bard għax ħa tbaqbiqa tajba tul it-tieni nofs tad-diskors tiegħu.
Beda l-priedka tiegħu b’ċertu kalma u beda jispjega dak li qed iwettaq. Imma f’daqqa waħda ġralu xi ħaġa. Qabad nota għolja u ma telaqhiex. Nafu li delettant tal-kant, imma anki waqt kull tip ta’ kant, kull kompożitur ibiddel u jħallat ħalli jibża’ għal-leħen tal-kantant u jagħmel taħlita ta’ noti baxxi u għoljin. Dr Grech nesa u baqa’ għaddej fuq nota għolja. Bla ma rrid bdejt naħseb li l-awdjo b’xi mod ma kienx qed jaħdem. Bdejt ngħid imma possibbli ħadd mhu ser jagħmillu sinjal biex jikkalma. Ma wasalniex fl-aħħar meeting ta’ xi kampanja elettorali u allura tagħti l-aħħar sforż imma għadna lanqas nafu meta ser issaffar is-suffara. Il-kontenut seta’ waslu mingħajr ħafna għajjat u kważi twerżiq. Ħinijiet minnhom kien isteriku. Imma dan għalfejn? Hawn nagħti parir lin-nies ta’ madwaru biex jibżgħu għaż-żiemel tagħhom. Jieħdu ħsiebu u jaraw li ma jieħux battikati għal xejn u mhux f’waqthom. Li nista’ ngħid hu li ebda għajta. Infakkar li ebda isteriżmu, ebda tgħajjir, ebda libsa sabiħa, ebda ingravata attraenti mhu ser jimpressjona lil ħadd. Mhux qed ngħid li ma nkunux preżentabbli imma, ħa nitkellem għalija, xejn mhu ser jaffetwani ħlief il-viżjoni ċara, attwali, kontrollata, kontabbli, effiċjenti u umana. Huma dawn li jikkonvinċuni fejn ser imur il-vot tiegħi. Iktar ma nisma’ dwar dan b’mod kalm u elokwenti aktar nibni opinjoni favur wieħed jew l-ieħor.