Illum il-festa tal-patrun tal-ġurnalisti San Franġisk de Sales: kemm qed ikunu veritieri l-ġurnalisti tagħna fil-kitbiet tagħhom?
Blogpost
Il-ġurnalist huwa dak il-persuna li jiġbor l-informazzjoni, janalizza, jikteb dwarha, iżied ir-ritratti jew kummenti dwar xi aħbar li tkun għada kif ġrat. L-iskop tal-ġurnalist huwa li jwassal l-aħbar b’mod ċar lil kull min qed jisimgħu jew jaqra kitbitu. L-aħbar hija dik il-komunikazzjoni li tħalli lilna, il-pubbliku ġenerali, nfurmati dwar dak li jkun għaddej kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. L-aħbar tista’ tkun interessanti, pjaċevoli, drammatika jew kerha. Imma l-iżjed ħaġa mportanti għal kull min qed jisma’, jaqra’ jew jara hija li din l-aħbar tkun mirquma b’tali mod li n-nies ikunu nfurmati b’mod dettaljat bizzejjed li jifhmu tajjeb dak li jkun irid jiġi mwassal.
Illum 24 ta’ Jannar hija l-festa tal-qaddis Francis de Sales li huwa l-qaddis protettur tal-ġurnalisti. Bil-pinna tiegħu dan il-qaddis għadda messaġġi b’saħħithom li kien influwenti ħafna fuq il-Franċiżi fiż-żona fejn kien jgħix. Huwa wża l-aħbar biex għallem, informa u wassal ħafna nies lejn tragward li hu ħass li kien importanti fil-ħajja tagħhom. B’dan it-tip ta’ ġurnaliżmu relevanti, tajjeb u veritier wassal biex kien meqjuż bħala bniedem li għamel ħafna ġid kemm bil-kitba kif ukoll bil-fomm.
Kull ġurnalist iġorr fuq spallejh responsabilita’ qawwija għaliex bl-informazzjoni li jgħaddi ikun qed iħalli effett fuq kull wieħed u waħda minnha (li nsegwu) biex nibnu d-deċiżżjonijiet tagħna. Il-ġurnalist jekk ma jirriflettix qabel ixandar l-aħbar jista’ ikollu effetti diżastrużi fuq kull min isegwih. Allura nistaqsi: x’inhi fl-opinjoni ta’ kull wieħed u waħda minnha l-aktar aspett importanti tal-ġurnalismu?
Jiena naħseb li r-risposta għandha tkun li tiġi trasmessa dejjem il-verita’. Fiż-żminijet li qed ngħixu llum, d-dinja saret żgħira għall-meżżi tax-xandir. Kull avveniment ta’ importanza, isir fejn isir, insiru nafu bih fi ftit sekondi. Hija xi ħaġa meraviljuża li d-dinja ċkienet daqstant mill-aspett ta’ kominikazzjoni. Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ma gawdewx bħalna dan il-lussu u allura ħafna lanqas biss kienu jkunu jaf x’inhu għaddej. Il-lum tbiddel kollox u miegħu tbiddel ukoll il-ġurnaliżmu. Fi żmienna qisu kulħadd sar għandu d-dritt li jkun ġurnalist. Jien li ktibt dan l-artiklu nista’ nitqies bħal xi ħadd li qed inwassal messaġġ jew aħbar.
Allura anke jien irrid nirrifletti fuq dan li nkun qed nikteb. Irrid nikteb dak li qed naħseb jien imma irid inkun sinċier miegħi n-nifsi u ma’ dawk li ser jaqraw kitbiti li nkun lejali lejn ħsibijieti u nesponihom b’mod kemm jista’ jkun interessanti, veritier, mingħajr ma noffendi u mingħajr ma nuża l-pinna tiegħi biex nilgħab bid-diskors ħalli ma nkunx ċar biżżejjed fi kliemi. L-ambigwita tal-kelma tista’ tħalli ħafna taħbil tal-imħuħ, tista’ tinftiehem b’tali mod li jista’ jweġġa, li jħalli effetti mhux mixtieqa u fuq kollox jista’ jaffetwa kif il-bniedem iħares lejn l-avveniment.
Kemm hu sabiħ u ta’ ġid li meta taqra gazzetta, kitba fuq facebook, magazine u mitt ħaġa oħra ta’ komunikazzjoni tifhem ċar il-messaġġ mgħoddi u ma tridx toqgħod tipprova tifhem ‘between the lines’. Kitba mċajpra tasal minn min ikollu aġenda personali jew istituzzjonali. Il-pinna hija arma b’saħħitha ħafna. Il-pinna ma taqtax imma twassal għal ħafna qtugħ. Il-pinna tista’ tagħmel ħafna ġid imma daqstant ieħor tista’ tagħmel ħsara. Ejjew nagħmlu sforż ġenwin biex kitbitna jkun kuxjenzuż. Ejjew ninfurmaw mingħajr tgħawwiġ imma b’tali mod li kull min jaqra kitbitna, jaqbel jew ma jaqbilx, iħossu mgħarraf b’mod ċar u veritier.
Jekk joghgbok ,, kif taqra sales ? di salle jew sales ?. grazzi