Il-kuraġġ nofs il-fejqan: esperjenza diretta ta’ persuna li kellha qarib li fieq mill-Covid19
Blogpost minn persuna li kellha qarib tagħha li marad bil-covid u llum fieq.
Permezz tas-site tiegħek, nixtieq nikteb esperjenza tiegħi dwar il-Covid 19. Issa wara kważi tliet xhur minn mindu z-ziju tiegħu ħa l-covid u llum fieq, nixtieq nagħmel ftit kuraġġ lil dawk il-familji li għandhom xi qarib tagħhom f’ITU u qiegħed fuq il-ventilatur. Dawn il-kliem jistgħu jservu biex jagħmlu kuraġġ ukoll lil dawk li forsi, Alla ħares qatt, ikollhom xi qarib li jispiċċa ITU minħabba l-Covid 19.
L-ewwel parir tiegħi hu dak li dejjem agħtu każ dak li jgħidulkom it-tobba w toqgħodux tindaħħlulom f’ dak li qed jagħmlu għax huma jafu sew x’għandom jagħmlu. Tajjeb li tistaqsu u tgħidulhom il-fehma tagħkom. Agħmlu kuraġġ lil xulxin u agħmlu kuraġġ lill-qarib tagħkom li jkun marid bil-covid, sew jekk ikun qiegħed l-isptar u sew jekk ikun qiegħed id-dar. Dan tista’ tagħmluh anki permezz ta’ telefonata jew messaġġ. Meta tagħmlu hekk ittellgħuhom is-sema. Kif jgħidu IL-KURAĠĠ NOFS IL-FEJQAN
Fil-bidu ta’ Novembru 2020, jien ħadt l-aħbar li qarib tiegħi ta’ 65 kellu l-covid. Biss dan il-qarib għandu wkoll difett fil-pulmun. Mar għamel swab test. Mar id-dar mill-ewwel biex jistenna r-riżultat. L-anqas leħaq wasal li ggrava f’daqqa u spiċċat ġiet l-ambulanza għalih u ħaduh l-isptar. Meta ħaduh l-isptar kienu għadhom lanqas jafu li kellu l-covid. Imma kellhom suspett. B’nifsu maqtugħ u mitluf minn sensieh għamlulu swab l-isptar stess reġa’ mill-ewwel ħareġ posittiv. In-nifs kompla jiggrava. Iċċekkjaw il-pulmun mill-ewwel u sabuh infjammat waħda u sew. Ittieħdet id-deċiżjoni li mill-ewwel jitqiegħed fuq il-ventilatur.
B’telefonata kuljum min-naħa tal-isptar kienu jinfurmawna kif inhu sejjer u dejjem kienu jagħtuna aħbarijiet xejn sbieħ. Ovvjament kien bejn ħajja u mewt kif ikun kull pazjent b’infezzjoni tal-covid daqshekk gravi. Għaddew ħmistax u riedu bil-mod ineħħuh minn fuq il-ventilatur. Intant il-covid għaddielu w għaddewh fil-parti tal-ITU fejn ikun hemm pazjenti mfejqa mill-covid imma fuq il-ventilatur. Ovvjament l-infjammazzjoni fil-pulmun bdiet tinkwetahom għaliex anke l-kliewi ma bdewx jaħdmu sew.
Minn hemm bdejna nċemplulu aħna u kull darba li nċemplu kienu jgħidulha stabbli jew ħeqq għandu ħamsa u sittin sena u ma tistenniex li ser jirkupra malajr. Jien iddeċidejt li mmur hemm u narah b’għajnejja liz-ziju tiegħi. Mort u nsibu ma tantx kien tajjeb, imma bdejt inkellmu. Ħadtlu ritratt ta’ xi ħaġa għażiża għalih. Ħadtlu wkoll ikona ta’ qaddis u urejtilu.
L-ewwel darba, sibtu ħażin ħafna bil-ventilatur. Biss bdew ineħħuhulu bil-mod, imma ma kienx jżomm. Bdejt inkellmu u nistaqsih xi mistoqsijiet jekk hux muġugħ. Staqsejtu kif inhu jekk hux imdejjaq ħafna, etċ. Kont nurih ir-ritratt u beda jagħmel reazzjoni. It-tobba dak li riedu. Jaraw reazzjoni għaliex indunaw li qed jirreaġixxi għal dak li kien qed jara u jisma’.
Kull darba li kont mmur, kont insibu li mexxewh minn post għall-ieħor skont x’ikunu ħa jagħmlulu. Intant, kellhom jagħmlulu xi testijiet biex jaraw għaliex il-pulmun mhux jgħaddilu. Sirt naf li dawn it-testijiet dejjem isiru meta l-infjammazzjoni ma tgħaddilux lill-pazjent. Erġajt mort ġurnata oħra u nsibu aħjar u dejjem beda jmur għall-aħjar. Hu kien jagħmel dak li kienu jgħidulu t-tobba u aħna fdajna fihom. Dak li għamilna kien li konna nfarrġu lill-pazjent qarib tagħna.
Waslet il-ġurnata fejn qaluli li l-pulmun fieq għal kollox u li l-kliewi kienu reġgħu bdew jaħdmu waħidom mingħajr id-dialysis. Issa kien jonqos il-ventilatur li jitneħħa għal kollox għax kienu qed iħalluh xi siegħat mingħajru sakemm qatgħahulu għal kollox. Meta staqsejt għaliex ma jneħħuhx f’daqqa qaluli li hemm protokol li jridu jimxu miegħu għax jekk tneħħi l-ventilatur f’daqqa jagħmel ħażin lill-pazjent. Infatti mill-ITU mexxewh għal ward oħra. Din id-darba bla ventilatur u kellu biss l-ossiġnu għal li jista’ jkun. Kuljum kienu jagħmlulu l- physiotherapy u hu kien veru ħerqan.
Il-bieraħ, wara xahrejn u nofs, ħareġ mill-isptar u rebaħ LILL-COVID. Bl-għajnuna tal-mediċina u tat-tobba, in-nurses u t-team kollu li kienu qed jieħdu ħsiebu.
Dak li nista’ ngħid li L-ITU HU IMPEKKABBLI. It-tobba u l-infermiera baqgħu isegwuh anke fil-ward fejn mar wara li ħareġ mill-ITU. Dak li nixtieq inżid li t-tobba u n-nurses jifirħu ħafna meta jfiqilhom pazjent. Issa qiegħed id-dar. Ħa jibda jmur għat-terapija. In-nifs baqa’ naqra batut għalkemm jieħu n-nifs minn imnieħru w jitfgħu l-barra minn ħalqu. Miegħu tawh l-ossiġnu ukoll għal li jista’ jkun, imma bħalissa sejjer tajjeb u ma ġiex bżonnu.
Minn din l-esperjenza tiegħi, dak li nixtieq ngħid huwa dan. Jekk ikollkom xi qarib tagħkom bil-covid, URUH li intom qegħdin hemm. Morru arawh u nkorraġuh. Ħudulu xi ritratti w uruh videos ta’ fejn joqgħod ħalli sserħulu moħħu li kollox sewwa. Kellmuh fuq l-affarijiet li huma kien jagħmel qabel daħal l-isptar u li kif jgħaddilu ser jerġa’ jagħmel dawk l-affarijiet li kien jagħmel qabel. Jekk tistgħu tagħmlu miegħu telefonata b’video u fiha tinkludi familjari oħra tajjeb ukoll. Tridu tagħtuhom TAMA. Wara li joħorġu, jirkupraw bil-mod il-mod.
Kwarta minn ħinek taf issalva ħajja. Fil-każ tal-qarib tiegħi, l-inkoraġġament u l ventilatur salvawlu ħajtu. J’Alla li ħadd ma jgħaddi minn dan kollu li għexna aħna għaliex verament esperjenza kerha. Il-qarib tiegħi reġa’ twieled mill-ġdid u qed jerġa’ jgħix mill-ġdid.