Bernard Grech ibexxaq it-tieqa għall-abort?

Waħda mill-affarijiet li ħarġu fir-reshuffle li għamel Bernard Grech huwa dak li bexxaq it-tieqa għad-dħul tal-abort. Biex tifhem dak li ġara jew kif qed jinbidel il-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech tkun trid tmur lura u tqabbel dak li għamel hu, ma dak li kien ġie deċiż xhur jew snin ilu.

Fl-2018, il-Partit Nazzjonalista kien għadda minn reshuffle ieħor. Kienu l-istess numru ta’ deputati fil-parlament u xi tibdil żgħir fl-uċuh. Qrajt b’reqqa x’kien inbidel dak in-nhar u tajt attenzjoni għal kull dekasteru li kien ingħata u flejt b’ċertu reqqa t-titli fuq x’hix kellu jiffoka kull membru fil-parlament. Laqatni ħafna d-dikasteru li ġie mogħti lil Claudio Grech dak in-nhar. Dan id-dikasteru kien jaqra hekk: solidarjeta’ soċjali, familja, penzjonijiet, drittijiet tat-tfal u drittijiet tat-tarbija fil-ġuf. Dan kien ingħata lil Claudio Grech għaliex dan kien deputat li kien meqjuz bħala bniedem li jħaddan il-prinċipju tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt. Din kienet xi ħaġa ġdida li daħlet għall-ewwel darba bħala parti mid-dikasteri f’dak ir-reshuffle.

Il-Kap dak iż-żmien, Adrian Delia, kien ħass l-importanza tagħha għaliex kien beda jinxtered għajdut li jista’ jitla’ għad-diskussjoni l-introduzzjoni tal-abort. Dan kien suġġett sensittiv ħafna u għalhekk kien ittella’ fl-importanza tiegħu f’livell ta’ parlament u ddaħħal bħala parti speċifika minn dikasteru. Il-kap dak in-nhar, Delia, kien antiċipa li dan is-suġġett seta’ jwassal għal diskussjoni serja u profonda u għalhekk ħaseb biex jinstiga diskussjoni interna qabel ma’ l-pajjiż jintlaqat minnha. Kienet deċizzjoni li ntlaqat tajjeb ħafna u l-membru parlamantari daħal fid-dettal tagħha u għamel xogħol siewi ħafna. Mr Claudio Grech kien meqjus bħala ‘advocate’ (bniedem li jimbotta twemmin b’qawwa) li l-bidu tat-tarbija huwa mill-konċepiment.

Fl-2020 reġa sar reshuffle ieħor mill-istess Kap, Dr Adrian Delia. Din id-darba dan id-dikasteru kien tbiddillu ismu u sar: drittijiet ugwali veri u kompleti. B’dan l-isem ġdid kien hemm referenza diretta għad-dritt tal-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. Biss din id-darba dan id-dikasteru ġie fdat f’idejn Claudette Buttigieg. Naħseb li din ma kienetx deċiżjoni tajba. Claudette Buttiġieg hija persuna voċifera fejn jidħlu l-ugwaljanza tal-LGBTIQ imma qatt ma ħarġet fil-pubblika bħala persuna li hija favur l-abort. Biss xorta kienet aċċettat dikasteru li fih kien jaqa’ t-twemmin tal-partit favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.

Ftit tal-ġranet ilu kellna reshuffle ieħor. Din id-darba qed nirreferu għalih bħala dak ta’ Bernard Grech. Hemm dubbji serji ħafna jekk kellux sehem fih jew jekk kienx qed jippreżenta xi ħaġa ppreparata minn ħaddieħor. Fil-kuruturi tad-Dar Ċentrali l-kelma li qed iddur hija li dan it-tibdil kien kollu ppreparat minn Louis Galea.

Dak li hu importanti hawn huwa l-fatt li f’dan ir-reshuffle ta’ Bernard Grech, l-importanza tat-tarbija fil-ġuf sparixxiet għal kollox għaliex id-dikasteru sar jismu: politika soċjali u familja. Fi kliem ieħor, b’dan it-titlu ġeneriku, Bernard Grech qed jibgħat messaġġ ċar li l-partit qed jitbiegħed bil-mod mill-assertivita’ tiegħu dwar il-fatt li l-ħajja tibda mill-konċepiment.

Il-mistoqsija li trid issir hija din. Għaliex aċċettat dan id-dikasteru Claudette Buttigieg? Kienet Claudette Buttigieg li ma riditx din in-nomenklatura aktar bħala parti mir-rowl tagħha ta’ shadow minister? Fuq kollox, ma jidhirx li staqsiet kif ġie mwarrab dan il-kunċett.

Irrispettivament minn x’taħseb jew xi xtaqet Buttigieg, min għamel dan it-tibdil warrab għal kollox dan il-konċett politiku importanti li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista. Jidher li ser jibda’ jberraq fuq l-abort. Jaqaw l-id moħbija ser tinqeda b’Dr Grech biex tressaq il-boċċa viċin il-likk u nibdew insiru aktar liberali fuq l-abort? Infakkar li llum hemm fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bniedem li biddel il-verżjoni tiegħu dwar l-abort tlett darbiet waqt il-kampanja għall-kap tal-partit.

Jaqaw Bernard Grech ser jaħtaf l-okkazzjoni biex, permezz ta’ Claudette Buttigieg jiftaħ id-diskussjoni tiegħu għall-abort? Jaqaw ser ninqdew bi Claudette Buittigieg li skond kif jidher mhix ser tkun qed tagħmel reżistenza għal dan il-bdil fil-ħsieb? Mhux aħjar Claudette Buttigieg isserraħ ras kulħadd li hi kontra l-abort? Jew forsi tistaqsi lil min offrielha dan id-dikasteru jekk hux ser ibiddel it-twemmin tal-partit fuq dan is-suġġett? Jista’ jiġi spjegat lilna n-Nazzjonalisti x’intenzjonijiet għandu l-partit dwar l-abort?

Leave a Reply