L-Arma tal-Partit Nazzjonalista twarrbet mill-“pro-forma image” mogħtija lid-deputati biex jirringrazzjaw lil Bernard Grech tad-dikasterju li tahom

Blogpost minn Partitarju Nazzjonalista

Waħda mill-affarijiet li jrid jagħmel Bernard Grech huwa li jneħħi l-arma u jbiddel l-isem tal-Partit Nazzjonalista. L-affarijiet tant kemm saru ovvji li kulħadd jista’ jifhimhom mingħajr ebda problema ta’ xejn. Din esperjenzajniha din il-ġimgħa stess fir-reshuffle tal-grupp parlamentari. Hawnhekk mhiniex interessat li nidħol fit-tibdil li sar, f’dak li ma sarx u f’dak li fuqu kellha tindaq l-irtirata. F’dan l-artiklu jinteressani nitkellem, flimkien ma’ ħafna oħrajn Nazzjonalisti, dwar affarijiet li tant qed iweġġgħuna. Mossi, li għalkemm ngħidu li aħna nimxu wara l-arma u l-bandiera, donnhom li dawn it-tnejn sparixxew.

Aħna niftakru ċar il-proposti ta’ Louis Galea biex ibiddel l-isem tal-partit u jasal ukoll biex ibiddel il-maduma. Niftakru tajjeb kemm kienu dawk il-kunsilliera preżenti għal-laqgħat fid-Dar Ċentrali li tkellmu b’mod ċar u miftuħ kontra dan il-ħsieb. Nafu wkoll li b’riżultat ta’ din ir-rewwixta żgħira mill-kunsilliera, li ma riedux jisimgħu b’xejn dwar dan it-tibdil, Louis Galea kellu jneħħi din l-emenda anki fil-proposta tal-istatut. Imma llum x’qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista? Illum min qed jieħu dawn id-deċizzjonijiet li titwarrab l-arma? Illum min qed jiddeċiedi li meta titkellem l-għola awtorità tal-partit lanqas naraw warajh il-bandiera għażiża tagħna?

Naħseb li nkun qed ngħid sewwa li għalkemm Louis Galea irtira l-emenda, dan l-avukat li poġġa lil Dr Grech fit-tmun, qed jiddetta u jagħmel dak li minn dejjem xtaq. Mhux ta’ b’xejn li qed ikun id-Dar Ċentrali b’mod regolari. Mhux ta’ b’xejn li Dr. Galea daħħal lil Ray Bezzina ma’ saqajn Dr Grech u poġġieh direttur dwar il-politika tal-partit. Mhux ta’ b’xejn li kif qed jintqal, Louis Galea kien il-moħħ wara l-aħħar tgħaffiġa tar-reshuffle. Mhux ta’ b’xejn li wasal li ddetta li lill-parlamentari ikellimhom Ray Bezzina fil-preżenza ta’ Dr Grech. Mhux ta’ b’xejn li kull ma qal Dr Grech waqt dawn il-meetings kien li jaqbel ma’ Ray Bezzina jew ibaxxi rasu bħala qbil. Mhux ta’ b’xejn li n-Nazzjonalisti qed jifhmu li fit-tmexxija hemm Dr Grech imma jmexxi Louis Galea.

Fl-aħħar ġranet rajna lir-rappreżentanti tagħna kważi kollha jesprimu l-qbil tagħhom dwar ir-responsabilita’ li ġew mogħtija fir-reshuffle. Ħarsu ftit lejn dak li tellgħu. Ħadd ma kien oriġinali. Lil ħadd ma ħallewh juri l-apprezzament tiegħu kif xtaq hu. Lil kollha kemm huma ddettawlhom l-istess stil. Wieħed, u pubblikament qed napprezza dak li għamel, żied l-arma tal-partit għax hu qiegħed hemm għal partit u għal ħadd iżjed. Dan hu Robert Arrigo. Imma l-oħrajn żammu mad-disinn mogħti lilhom.

Ħarsu ftit lejn dan id-disinn użat. Mela l-arma sparixxiet. Qed joqtluha bil-mod. Barra min hekk dawn suppost qiegħdin hemm f’isem il-Partit Nazzjonalista. Ħarsu kif inhu miktub l-isem tal-partit. Bl-anqas kobor ta’ ittri possibbli. L-anqas font u f’kantuniera għax mhux importanti. Anke l-isem qed jagħtihom fastidju? Dan hu l-istess partit ta’ 140 sena fejn sejjaħ lilu nnifsu demokratiku? Dawn ir-rappreżentanti tagħna, li suppost iħobbu lill-partit u qed jirkbu fuqu, tilfu ruħhom u ma jipprotestawx fuq dawn l-affarijet?

Imma possibbli li dan li donnu xtara l-partit b’xi dritt divin ma jirrealiżżax li għadda żmienu? Possibbli li dan l-avukat li ried ibiddel il-bandiera u l-arma għalkemm ma għaddiex mill-bieb qed jgħaddi mit-tieqa?

Leave a Reply