Wara din il-vroma kollha, id-deputati Nazzjonalisti spiċċaw jirreferu għal Bernard Grech bħala l-kaboċċa
Il-bieraħ kien hemm, kif mistenni l-laqgħa tal-grupp parlamentari. Kien hemm numru ta’ deputati li ma attendewx. Fost dawk li ma attendewx bi protesta kien hemm deputati li huma mitqiesha bħala ta’ Bernard Grech, fosthom David Thake u Chris Said.
David Thake huwa rrabbjat għal Bernard Grech talli lilu tah li jagħmel shadowing ta’ ministeri fantazma li kkrea il-Gvern tal-Lejber. Hu ried l-ambjent li spiċċa għaddieh lil Jason Azzopardi. Biex ma jagħmilx l-istess l-iżball li kien għamel Alfred Sant, meta kkrea ministru bla portafol, Robert Abela ħoloq numru ta’ ministeri li qegħdin hemm biss għall-isem. Fi kliem ieħor numru ta’deputati fuq in-naħa tal-gvern ingħataw it-titlu ta’ ministru. David Thake ħadha b’offiża personali li spiċċa jkun shadow minister ta’ wieħed minn dawn il-ministeri.
Anki Therese Comodini Cachia kienet irrabjata ħafna għal Bernard Grech. Ħassitha ħafna offiża kif ġiet stmata wara li kienet hija li ħarġet rasha biex jitwarrab Adrian Delia.
Biss wara li jien bdejt noħroġ din l-informazzjoni u wara r-rabja kbira fost id-deputati u anki l-partitarji, Bernard Grech qed ikollu jmur lura minn kelmtu u jagħmel x-shadow cabinet kif kien għamlu Adrian Delia. Basta għajru lil Adrian Delia li mhux leader tajjeb!
Illum deputati li kienu kontra Adrian Delia qed jammettu li kienu aktar stmati taħt Adrian Delia milli taħt Bernard Grech.
B’hekk saret dik li tissejjaħ resistenza passiva b’numru ta’ deputati jirrifjutaw li jagħmlu shadowing ta’ xi ministeru tal-Gvern. Tant kemm kien ser ikun kbir in-numru ta’ dawn id-deputati, li Bernard Grech kellu jagħmel ritirata jew kif jgħidu fl-istorja, kanossa.
Dan wassal biex kibret ir-rabja kontra Louis Galea li kien wara dawn it-tibdiliet kollha u din il-vroma kollha fil-Partit Nazzjonalista. Kibret ukoll ir-rabja lejn Ray Bezzina li spiċċa l-pupazz ta’ Louis Galea f’din it-taħwida kollha.
L-ikbar tellief huwa Bernard Grech. Dan wassal biex id-deputati infushom illum qed jindirizzawh mhux bħala l-kap tagħhom iżda bħala l-kaboċċa. Meta jridu jirreferu għalih, ma għadhomx jgħidulu l-kap, iżda jgħidu llum x’irid il-kaboċċa!
