Bernard Grech – l-istorja tar-reshuffle wriet li ma għandux il-kapaċitajiet biex imexxi
Blogpost minn partitarju Nazzjonalista
Bħala nsara nirreferu għad-diżastri bħala xi ħaġa li ġejja minn affarijiet sopranaturali li x-xjenżati biss fl-għerf tagħhom jippruvaw jagħtu xi tip ta’ raġuni għalfejn dawn jiġru. Biss fi stati diversi isiru affarijiet li ma jittmewnux u li jirreferu għalihom bħala diżastru magħmul mill-uman.
Malta mhix barra mil-forma ġeografika tad-dinja u dawn id-diżastri jaħkmu fuqha wkoll. Bħalissa l-poplu Malti u Għawdxi qed jaqra fuq id-diżastru li għaddej fil-Partit Nazzjonalista. Dan is-suppost eżerċizju intern li jiġi miftiehem bil-kalma bejn il-ġeneral u s-suldati tiegħu spiċċa mxerred minn kull media fil-pajjiż kulħadd jagħti l-interpretazzjoni tiegħu skond l-allenżi rispettivi.
L-ewwel reazzjoni hija waħda loġika u li ma tridx wisq għerf li tasal għalija. La l-media qed titkellem fil-miftuħ fuq dan l-avveniment suppost intern b’mod li qed ittih daqstant importanza, jidher li għaddejja maltempata bil-beraq u s-sajjetti. Imma dan il-maltemp kollu għalfejn inqala’? Min hemm wara dan it-taħwid inspjegabbli kollu? Sinċerament naħseb li kieku Dr Bernard Grech, bħala l-bniedem responsabbli għal dan it-tibdil, ħadem dan ix-xogħol waħdu u ma ħalliex influwenza esterna tikkmandah, forsi kont naħseb li jista’ jagħmel xi ħaġa aħjar. Imma la ħalla min jimpressjonah jew jaħdem għalih u aċċetta dak li poġġewlu quddiemu, allura jkolli nikkonkludi li dan la hu Kap validu u lanqas għandu l-intelliġenza neċessarja biex jevalwa lil sħabu b’tali mod li jkun jista’ jattribwilhom ġurisdiżżjonijet rilevanti. B’dan in-nuqqas estrem fil-kapaċita’ ta’ min qed imexxi sejjer mhux biss iħalli togħma qarsa fil-grupp parlamentari tiegħu imma qed juri b’mod ċar u kristallin li dan ir-raġel lanqas għandu il-kapaċita’ jagħraf biex inhu mogħni l-grupp parlamentari tiegħu.
Bid-deċiżjonijet mittieħda, dan li suppost huwa Kap, ħareġ ta’ bniedem nieqes minn ħafna attribwiti. M’huwiex bniedem ta’ stoffa li kapaċi jieħu deċizzjoni u jibqa’ magħha. M’għandux kapaċità intelletwali li jagħraf janalizza lil kull bniedem. Għandu wkoll nuqqas kbir ta’ preparazzjoni politika li qed ixxekklu f’dak kollu li jagħmel. Għandu wkoll nuqqas ta’ stoffa għax jħalli lil ħaddieħor jiddettalu dak kollu li qed jipprova jagħmel. L-agħar ħaġa, li aktar ma jgħaddi ż-żmien qed toħroġ aktar ċara, hija li Dr Grech impressjona ruħu li s-surveys kienu għollewh qabel daħal għat-tellieq ta’ Kap u ntefaħ meta Louis Galea għażel lilu biex jikkandidha ruħu, meta ħafna politiċi opportunisti, li ma kienux jaħmlu lil Delia, jnagħqdu warajh u ħareġ rebbieħ.
Li ma rrealizzax li meta tidħol fiż-żarbuna ta’ Kap ix-xogħol huwa kbir, trid taħdem ħinijiet twal, trid tagħmel aktar minn ħaġa waħda f’daqqa u trid tpoġġi lill-familja fuq il-back burner għax il-Partit jirrikjedi ħafna aktar xogħol. Ma ninsewx li wara ftit żmien li beda, qal li hu għandu l-ħajja tiegħu x’jgħix u li għandu l-familja li jrid ikompli jqatta’ ħafna ħin magħha. Fil-bidu tat-tellieqa, meta kellu l-inkwiet mat-taxxa, kien qal li qatt ma ħadem ħinijiet twal bħala avukat. Dan l-aħħar qal l-eprem waħda fil-parlament li hu jagħmel ‘one thing at a time’ u ħalla lil kulħadd imbellaħ.
Ħasra li ħafna issa qed jirrealizzaw li bit-tibdila tat-tmexxija t-tesserati għamlu għażla ħażina ħafna. Neħħew bniedem mogħni b’intelliġenza straordinarja (xi ħaġa li qaluha kemm-il darba anki d-deputati li kienu kontra tiegħu) u poġġew bniedem li ma jispira ebda fiduċja u mid-dehra l-anqas inteliġenza (dan jidher minn dak li qed jgħidu fuqu l-membri parlamentari li hu kaboċċa).