Għaliex Charles Azzopardi huwa persuna mweġġa’?

Ma hemmx dubju li Charles Azzopardi huwa persuna mweġġa’. Il-weġgħa’ tiegħu ġejja mill-fatt li huwa ried joħroġ għall-kunsill lokali tar-Rabat Malta fl-2019 u l-Partit Laburista ma riedux. Ta’ Laburist ġenwin li kien, din qatt ma seta’ jifhiemha, kif il-Partit li tant ħabb ma riedux. Ir-raġuni vera għaliex il-Partit Laburista ma riedx lil Azzopardi kienet ġejja mill-fatt li fuq din il-lokalita’, il-Partit Laburista iffavorixxa l-kandidatura ta’ Sandro Craus. Infatti, Craus, li jaħdem Kastilja, illum huwa s-sindku ta’ din il-lokalita’.

Ir-raġuni li ġab il-Partit Laburista kienet li meta kien sindku, Azzopardi kien inqabad iħawwad fl-amministrazzjoni tal-kunsill. Ma hemmx dubju li din hija jew aħjar kienet gidba politika. U kif nafu li kienet gibda politika? Dan nafuh mingħand il-Gvern stess, għaliex meta nqalgħet din is-sitwazzjoni, fejn ġie vakat siġġu bir-reżenja ta’ Edward Scicluna, il-Partit Laburista ipprova jirrikonċilja ruħu ma’ Charles Azzopardi. Jien infurmat li anki posting diplomatiku ġie offrut. Biss Gvern ma joffrix posting diplomatiku lil persuna, li skont l-istess gvern inqabad iħawwad.

Charles Azzopardi innifsu ammetta li kien qed ikollu numru ta’ proposti u telefonati mingħand Laburisti prominenti biex jirrikonċiljawh mal-Partit Laburista. Dan jikkonferma dak li qed ngħid u anki ktibt dwaru fil-passat, jiġifieri li kien hemm kuntatti għaddejjin miegħu. Biss bħala persuna mweġġa’, Azzopardi ried jibqa’ għaddej fi triqtu.

Dak li jrid jingħad hawn huwa dan. Il-Partiti l-kbar jidhru li nħakkmu minn klikka jew ċertu familji. Dan kien l-iżball prinċipali tal-politika ta’ Joseph Muscat għall-Partit Laburista. Joseph Muscat stess ammetta f’diskors li kien għamel, li jekk trid terbaħ fil-politika trid tagħmel alleanzi mal-aktar għaxar familji importanti fil-pajjiż.

Għalija din hija l-vera theddida tad-demokrazija u mhux il-co-option ta’ persuna b’disabilita’ fil-parlament. Fi kliem ieħor, dan il-mudell ta’ alleanzi ma’ l-aktar familji b’saħħithom fil-pajjiż ifisser li qed nerġgħu mmorru għall-mudell aristokratiku ta’ qabel ir-revoluzzjoni Franċiża. Dan il-grupp li llum qed insejħulu fuq livell mondjali bħala kabal qed jiggverna. Dan il-mudell globali qiegħed issa jkun pperpetwatt fuq livell ta’ pajjiż.

Dan hu l-veru theddida għad-demokrazija. Dan il-proċess qed iseħħ ukoll fil-PN. Għalhekk, jien kritiku tal-PN. U fuq dan naqbel ma’ Charles Azzopardi. Il-partiti l-kbar qed jittieħdu minn gruppi ta’ nies, li fil-PN jien qed insejħilhom klikka. Proċess simili qed jiġri fil-Partit Laburista. Huwa fl- interess ta’ dawn il-Partiti li jaraw li dan il-proċess jitwaqqaf għaliex jekk jibqgħu għaddejjin fuq din it-triq, il-problemi ser ikunu kbar. Nażżarda ngħid li għal-Lejber il-konsegwenzi ser ikunu ħafna ikbar minn dawk li qed naraw illum fil-Partit Nazzjonalista. 

Leave a Reply