Għada t-Tnejn tkompli l-kawża li fetaħ Dr. Adrian Delia kontra l-Vitals

Għada it-Tnejn 18 ta’ Jannar, f’waħda mill-awli tal-qorti ser tkun qed titkompla l-kawża li fetaħ Dr Adrian Delia. Din il-kawża qiegħda titlob li l-qorti treġġa’ lura f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi tliet sptarijiet li ġew mgħoddija lill-kumpanija barranija. Din il-kawża nfetħet minn deputat parlamentari. Kull membru fil-parlament kemm Laburista jew Nazzjonalista seta’ jagħmel dan f’ismu jew f’isem il-Partit. Iżda kull membru parlamentari kien jaf x’reperkussjonijiet din il-kawża ġġorr magħha jekk, din tintilef. Dr Adrian Delia, avukat litigatur tal-eprem kwalita’, ħa dan il-pass għax hu konvint li din il-kawża hija ġusta u jista’ jirbaħha. Ma beżgħax bħalma għamlu sħabu tal-Partit. L-affarijiet jidhru li tant daħal fil-fond Dr Delia u tant staqsa mistoqsijiet li qed jikxfu dak kollu li ħafna xtaqu li jibqa’ mistur, li Dr Delia qed iħossu konfidenti li jista’ jirbaħ.

Fl-opinjoni tiegħi din il-kawża diġa kellha l-effetti tagħha. Jiena nħossni persważ li l-għajdut li qed jinxtered dwar l-isptar ta’ Għawdex huwa xi ħaġa li toħroġ mill-iżvolġiment ta’ din il-kawża. Ħa nagħmilha ċara, jien ma naqbel xejn ma’ xi negozjati li setgħu saru, li qed isiru jew li jista’ jkun isiru mal-kumpanija barranija fuq sptar wieħed biss. Naħseb li l-poplu Malti u Għawdxi kollu, jekk ma tkunx moħħok magħluq u staġnat, jixtieq jara li dan il-kuntratt jitħassar u l-isptarijiet jerġgħu lura f’idejn il-poplu ta’ dawn il-gżejjer. Kulħadd persważ li l-Maltin u l-Għawdxin huma kapaċi biżżejjed li jmexxu l-isptarijiet u ma għandniex bżonn il-barrani. Imma raġuni validissima oħra hija li dawn il-barranin kull ma għamlu hu li ħadulna flusna u ma tawna xejn lura. Ix-xewqa tiegħi hija li l-qorti tfittex tikkonkludi din il-kawża a favur il-poplu Malti u Għawdxi.

S’issa, Dr Delia kien qed jiġġieled waħdu. Għalija, din mhix kawża tal-Partit Nazzjonalista iżda kawża tal-poplju Malti kollu. Din tmur ‘il fuq mill-livell ta’ politika partiggjana. Għalija l-isptarjiet għandhom jkunu tal-Gvern u f’idejn il-Gvern u amministrati mill-Gvern.

Din il-kawża ser tibda tinstema f’nofs in-nhar F’nofs in-nhar u hemm sagħtejn allokati għal din il-kawża. Ser jitilgħu jixhdu suppost Joseph Muscat u Konrad Mizzi.

Leave a Reply