Il-“co-option” ta’ Eddie Fenech Adami u dik ta’ Oliver Scicluna: x’hemm x’jgħaqqadhom?

L-argument prinċipali li qed iġib il-Partit Nazzjonalista kontra l-co-option ta’ Oliver Scicluna huwa l-fatt li din il-co-option ma segwitx ir-regoli demokratiċi li wieħed jistenna li sib f’demokrazija parlamentari. L-argument tiegħi huwa li minħabba din il-pożizzjoni, li l-Partit Nazzjonalista qed jieħu, ġie jidher li hu kontra li jkunu magħżula fil-parlament persuni b’disabilita’. Din tinstema’ ftit ironika għaliex dan kien partit ħadem ħafna biex din is-sezzjoni tas-soċjeta’ timxi ‘l quddiem u dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali. Qed ngħid dan biex nuri kemm wieħed irid joqgħod attent meta jitkellem.  

Nixtieq infakkar lil dawk kollha li qed jitkażaw b’dak li ġara li meta kien irreżenja d-deputat David Stellini, il-Partit Nazzjonalista kellu jagħmel co-option. L-esekuttiv tal-partit kien ħa vot u d-deċizzjoni kienet li jidħol minn floku Jean-Pierre Debono li kien ċeda s-siġġu lil Adrian Delia. Ġara li dik il-parti fil-partit Nazzjonalista li kienet kontra Delia, flimkien ma’ numru ta’ Għawdxin, ma riedux li dan iseħħ. L-argument tagħhom kien li la darba dan kien siġġu vakat fuq it-tlettax-il distrett, Għawdxi kellu jieħdu, anki jekk fit-teorija, il-Partit Nazzjonalista seta’ jagħżel lil min irid. Tant kemm kienet kbira l-pressjoni, li saħansitra, kien hemm tnejn min-nies li riedu jiftħu kawża fil-qorti kontra l-għażla biex Debono jiġi co-opted fil-Parlament. Dan wassal biex Adrian Delia kellu jċedi u kien ġie magħżul Kevin Cutajar minflok Debono. Hawn wieħed irid jgħid li Cutajar huwa persuna nieqsa mid-dawl. B’din l-għażla, Delia kompla saħħaħ lill-grupp ta’ deputati kontra tiegħu.

Hawn forsi wieħed jargumenta li l-Partit Nazzjonalista ta’ widen għal-leħen l-elettorat tat-tlettax-il distrett. Biss nixtieq insemmi storja oħra mill-Partit Nazzjonalista fejn il-vot tal-elettorat ma ġiex irrispettat. U din l-istorja tikkonċerna lil Eddie Fenech Adami. Wieħed irid jiftakar li Eddie Fenech Adami daħal fil-Parlament permezz ta’ co-option. Kien ġara li fuq id-distrett ta’ Raħal Ġdid kien miet id-deputat Ġorġ Caruana. Caruana kien tela’ permezz ta’ bye-election. Il-kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Giorgio Borg Olivier, kien għażel persuna li ma kienetx mid-distrett ta’ Raħal Ġdid. Il-persuna li għażel kienet mid-distrett ta’ Birkirkara. Dan kien avukat żagħżugħ li ma kienx tela’ fl-elezzjonijiet tal-1962 u dik tal-1966. Kien jismu Eddie Fenech Adami. Borg Olivier iddeċida li jagħmel co-option tiegħu.

Dan kien ġab ġlied kbir fuq id-distrett ta’ Raħal Ġdid. Kien hemm persuna prominenti, Emilio Camilleri, li ppretenda li huwa kellu jitla’ fil-Parlament minflok Ġorġ Caruana. Camilleri kien tela’ fil-Parlament bejn 1962-1966 f’isem il-Partit Ħaddiema Insara ta’ Toni Pellegrini.  Reġa’ ħareġ f’isem dan il-partit fl-elezzjoni tal-1966 u ma telgħax. B’hekk ma kienx ħareġ mal-Partit Nazzjonalista iżda xorta ppretenda li jieħu dan is-siġġu ta’ Caruana għaliex huwa l-aktar li kellu voti wara Caruana fuq dan id-distrett. Ir-raġuni għala ppretenda dan is-siġġu kienet ġejja wkoll mill-fatt li l-partiti ta’ kontra Mintoff – u f’dik il-ħabta Pellegrini kien kontra Mintoff – kienu għamlu koalizzjoni flimkien u kienu jsejħu ta’ taħt l-umbrella.

Borg Olivier biex jevita li jkollu xi ħadd li mhux mill-partit tiegħu, anki jekk fl-elezzjoni tal-1966, il-Partit tal-Ħaddiema Insara kien ta’ support b’mod dirett lill-Partit Nazzjonalista. B’hekk mar għal co-option ta’ xi ħadd li mhux mid-distrett. F’dak il-perjodu ħadd ma ħaseb li jmur il-qorti – anki jekk din id-deċizzjoni ta’ Borg Olivier, fl-opinjoni tiegħi – għamlet ħafna ħsara lill-Partit Nazzjonlista fuq dan id-distrett. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista għażel kandidat li ma kienx tela’ minnu.   

Qed inġib din l-istorja biex nuri li dawn il-manuvri ilhom jintużaw fil-politika Maltija, inkluż mill-Partit Nazzjonalista. B’hekk mhux qed nara l-iskop għala llum esponenti tal-Partit Nazzjonalista jqisu li dan imur kontra l-interess politiku tal-pajjiż.

Huwa fl-interess ta’ kull mexxej politiku, hu min hu, li meta jkun hemm co-option isaħħaħ l-istrutturi interni tal-partit tiegħu. Immaġinaw li kieku Borg Olivier ma għamilx dak li għamel kif qed jippretendu li jiġri llum il-paladini tar-rule of law. Kieku l-Partit Nazzjonalista kien jispiċċa mingħajr Fenech Adami għaliex iċ-ċans li dan kien jitla’ fl-1971 kien jonqoslu sewwa. Hu fatt magħruf li fis-sistema tagħna, deputati eletti fil-Parlament – issa telgħux b’co-option jew direttament mill-voti tal-poplu – jgawdu vantaġġ strateġiku qawwi fuq il-kandidati li joħroġu għall-elezzjoni. Fuq kollox, meta Borg Olivier għamel dak li għamel, ħadd ma qal li din l-azzjoni tiegħu kienet tikkostitwixxi xi reat kontra d-demokrazija,

Għalhekk qed ninsisti fl-artikli tiegħi li l-Partit Nazzjonalista ma jistgħax jerbaħ jekk ma jkunx jaf l-istorja politika tiegħu kif suppost.

Leave a Reply