Il-“bye-election” ma kienetx ta’ xi theddida għad-demokrazija iżda wriet l-istrateġija żbaljata tal-Partit Nazzjonalista

Xi uħud mill-qarrejja tiegħi jarawni negattiv għaliex jien nikkritika b’saħħa lill-Partit Nazzjonalista. Biss il-politika u l-istrateġija ta’ dan il-Partit mhux qed tagħti l-frott. Ħa nagħti eżempju wieħed biss. Kien hemm il-bye-election fuq is-seba’ distrett. Ir-reżenja tal-Professur Edward Scicluna ġabet siġġu vakanti. Hu normali li ser ikun hemm bye-election.

Kif ġa kont ktibt qabel, kien hemm kandidat Laburista mweġġa’. Hawn qed nirreferi għal Charles Azzopardi. U għandu raġun. Ġa minn qabel ma ħalla s-siġġu parlamentari tiegħu Scicluna, il-Partit Laburista u b’mod partikolari, il-Prim Ministru stess ipprova jara kif jirrikonċilja miegħu. Kont ktibt li anki laqgħa miegħu Kastilja saret. Nista’ ngħid li anki offrulu numru ta’ pożizzjonijiet b’pakketti finanzjarji tajbin, inkluż pożizzjoni diplomatika. Dan ma aċċettax.

Kieku l-Partit Nazzjonalista kien għaqli kien joqgħod b’ħalqu magħluq u jistudja s-sitwazzjoni. X’għamel il-Partit Nazzjonalista? L-ewwel kellna lil viċi-Kap David Agius jgħid li Charles Azzopardi huwa t-tesserat għall-għomru tal-Partit Nazzjonalista. Dan hu fatt magħruf u jekk ma niżbaljax kien ġa qalu Azzopardi stess wara li ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Dan ma kienx biżżejjed. Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech mar fuq it-television u qal li lest li jaċċetta lil Charles Azzopardi mal-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Fuq kollox, din  il-mistoqsija saret lil Grech minn ġurnalista tan- NET. Aktar u aktar ma kontx inħalliha ssir mistoqsija bħal din, jew inkella nahrab minnha. Din aktar ħsara milli ġid għamlet. X’għamel Bernard Grech? Mar jiffilosifizza li Azzopardi jista’ jmur indipendenti jew anki jiġi mal-Partit tiegħu. Dan għamlu qabel biss ma ħareġ ir-riżultat elettorali. Anki jekk issa irridu ngħidu li dan qalu wara li kien tefa’n-nomina, biss l-elezzjoni kienet għadha ma saritx. Dan kompla jixgħel bozoz ħomor għall-Lejber.

Għaliex il-Partit Nazzjonalista kellu joqgħod b’ħalqu magħluq? Issa ħiereġ li mhux kollox hu ward u zahar fil-Lejber. Jgħid x’jgħid Jeffrey Pullicino Orlando, il-Partit Laburista għokkritu għajnu minn ċerti  kummenti passati tal-istess Pullicino Orlando. Hawn qed nirreferi għall-kummenti ta’ Pullicino Orlando meta qal li biex tinbidel il-liġi tad-divorzju, jeħtieġ referedum ieħor għaliex dik id-deċizzjoni kienet ġiet deċiża b’referendum.  Dan il-kumment ġie interpretat fil-Partit Laburista bħala sinjal ta’ maltemp.  Fi kliem ieħor dan kien kumment politiku wżat biex iwassal messaġġ.

Hawnhekk wieħed jifhem l-istrateġija li l-Lejber ikollu persuna komda u żgura fuq in-naħa tiegħu. Ma kienx lest li jitlef siġġu. Min-naħa l-oħra naqbel ma dawk li jħossu li Pullicino Orlando deher bħala kandidat mhux żgur għal kollox għall-Partit Laburista. B’hekk ħareġ biss Gavin Gulia u l-kandidati l-oħra tħallew barra. Jiġifieri ġew mistiedna biex ma jitfux in-nomina. Biss xorta, il-logħba ma kienetx mitmuma. Il-biża li Azzopardi jagħmilha, minħabba kunjomu kienet hemm. Il-fatt li kunjomu jibda’ bl-ittra tal-alfabet “a” tgħinu.

Din l-istrateġija, li ma joħorġux kandidati oħra naqqset iċ-ċans li Azzopardi jiret voti u b’hekk jibqa’ fil-logħba. Biss xorta l-Partit Laburista kien iffurtunat li f’din il-bye-election, Azzopardi l-ewwel li ġie eliminat. Kieku ma ġiex eliminat mal-ewwel count, iċ-ċans tiegħu kien jikber li jitla’. Il-fatt li ma ħarġux kandidati oħra, Azzopardi ma wiritx minn għandhom. B’hekk it-tellieqa saret ristretta bejn tliet kandidati biss.  

Għalhekk qed ngħid li l-PN għaġġel. Issa spiċċa qed jiddefendi minflok kompla jagħfas li la darba Gulia rreżenja jrid jerġa’ jiġi għall-iskrutinju tal-Parlament. Mġija għall-Partit Laburista, qabiżlu dan il-punt. Ma ndunax, li jekk Gavin Gulia kien ser jitla’ fil-Parlament ma setgħax jibqa’ fuq MTA u kien ser ikollu jirreżenja. Issa għax irreżenja jrid jerġa’ jmur għall-iskrutinju tal-Parlament.

Din kellha tkun l-emfasi tal-istrateġija tal-PN. Taqbad fejn il-PL għamel żball u huwa dgħajjef. Ara l-ġlieda tal-MP hija mitlufa. Anzi l-Prim Ministru kien kapaċi jirkupra għaliex apponta lil Olivier Scicluna bir-riżultat, li jekk il-PN ser jibqa’ għaddej b’din il-kampanja tiegħu kontra din il-co-option, ser jidher li l-PN hu partit kontra b’persuni b’disabbilita!    B’hekk dak li jista’ jiġi konkluż huwa li din il-bye-election ma kienetx ta’ xi theddida għad-demokrazija. Minflok uriet li l-PN hu mitluf, ma jafx sew x’inhu jiġri fil-Partit Laburista u mingħajr strateġija ċara ta’ kif għandu jaħdem u fejn għandu jattakka politikament.

Leave a Reply