Bernard Grech fuq il-Programm ta’ Reno Bugeja jistaqsi

Advertisements

Blogpost minn partitarju Nazzjonalista

Il-bieraħ rajt lil Dr Bernard Grech jirrispondi l-mistoqsijiet ta’ Reno Bugeja. M’hiniex ser nikkummenta fuq ħafna affarijiet li ma naqbilx magħhom imma ser nikkummenta fuq il-kawża li fetaħ Dr. Adrian Delia biex jiġib l-isptarijiet lura għand il-poplu. Reno staqsa lil Dr Grech jekk il-Partit Nazzjonalista għandux jippatronizza l-kawza miftuħa minn Dr Delia, issa li ma għadux kap tal-partit. Dr Grech ikkonferma li Dr Delia fetaħ il-kawża fil-vesti personali tiegħu. Dr Grech qal li huwa kien qed isegwi l-kawża u li tkellem ma’ Dr Delia dwarha. Huwa kompla jgħid li kien ser ikompli jsegwi u li nhar it-Tnejn kien ser ikun qiegħed jattendi għas-seduta fil-qorti biex jagħti s-sapport tiegħu lil Dr Delia. Reno kompla jsaqsi għaliex il-Partit ma għandux jieħu l-patronaġġ tal-kawża? Dr Grech qal li dik hija deciżżjoni legali u biex il-Partit jikkonsidra li jagħmel dan kien hemm bżonn li jittieħdu pariri legali. Imma hu kien ser ikompli jsegwi u jissapportjah f’din il-ġlieda. Ovvjament, bil-pulit Dr. Grech qal lil Reno Bugeja li kulħadd irid jieħu l-meriti tal-kawża iżda ma jridux jidħlu fir-riskju li jitilfuha għaliex jekk tintilef, il-partit Nazzjonalista jesponi lilu n-nifsu għal danni kbar.

Dan jispjega għala Dr. Grech qagħad idur mal-lewża f’dan il-programm. Bi ftit tidwir tad-diskors Dr Grech qal lil Reno mhux jagħmel distinzjoni bejn il-pożizzjoni politika u dik legali. Qal li ma tagħmilx differenza min jidħol fil-kawża b’mod legali u min jaqbel ma’ din il-kawża. Jien ngħid li min jopponi jibqa’ jopponi u ma jakkwista xejn, imma min jiftaħ il-kawża jkollu ċans tajjeb li jirbaħ xi ħaġa (għax infetħet il-kawża hemm tama diġa li jiġi akkwistat lura l-isptar ta’ Għawdex). Fl-opinjoni tiegħi din hija sottomissjoni ċarissima li Dr Grech ma jridx jammetti, dik li bl-għemil takkwista imma bil-paroli tibqa’ b’idek fuq żaqqek. Tant hu hekk li meta Reno Bugeja qal li din ser tkun “a feather in  Dr Delia’s cap”, Dr Grech qabel miegħu IMMA żied li ser tkun ukoll “a feather in the cap of il-Partit Nazzjonalista”. Dr Grech kompla żied u qal ‘nispera li mhux qed tippretendi li meta xi ħadd ikollu kawża u li jkollu raġun fuqha li aħna (naħseb bħala partit u bħala ndividwi) nidħlu parti f’din il-kawża’. Reno reġa’ qallu li din mhix kawża komuni u Dr Grech irrisponda: ‘u iva alright’. Aħna mhux nippretendu imma stennejna li d-deputati nazzjonalisti jiffirmaw u jidħlu jgħinuh. Imma beżgħu jew pixxew taħthom.

F’dawn is-siltiet, jiddispjaċini nosserva, l-arroganza ta’ Dr Grech. Mela wara li ammetta li Dr Delia għamel kollox waħdu, li ma daħal ħadt miegħu mill-membri parlamentari u li lanqas il-partit ma akkompanjahx bħala firmatarju issa qed jippretendi li l-partit (allura hu u sħabu) għandhom dritt jgħidu li rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Kif dejjem ngħid li meta politiku jsir arroganti (u dan mid-dehra sar arroganti malajr) jispiċċa jitlef kull sens ta’ raġuni. Thank you but no thank you Dr Grech.