X’sar minnu l-kompjuter ta’ Daphne? Tgħidilna l-istorja tiegħu s-sentenza tal-Imħallfa Edwina Grima
Ħafna jistaqsu x’sar minnu l-kompjuter ta’ Daphne? Fuq dan il-kompjuter hemm ħafna interess għaliex jista’ jkun ta’ interess biex jitfa’ dwal fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’digriet mogħti riċentamnet mill-imħallfa Edwina Grrima dwar l-eċċezzjonijiet imressqa mill-avukat tal-aħwa Degiorgio issemma dan il-kompjuter. Din id-deċizzjoni tal-imħallfa Grima fiha ‘l fuq minn 200 pagna u ngħatat fit-30 ta’ Ottubru 2020 u tinsab fuq il-website tal-e-courts tal-Qorti disponibbli għal kulħadd.
Mid-deċiżjoni tal-Imħallfa Grima tat-30 ta’ Ottubru 2020 joħroġ li fit-3 ta’ Mejju 2019, l-Maġistrata Claire Zammit Stafrace, bi qbil bejn il-partijiet, ħatret lill-Imħallef emeritus Michael Mallia sabiex wara li jkun mgħoddi lilu d-data mill-espert Dr Martin Bajada dwar il-kontenut tal-whats app chats u emails fiċ-cellulari tal-vittma li ġie cloned mill-espert Bajada sabiex Mallia jidentifika u jnizzel dawk il-kliem li jikkostitwixxu theddid skont il-liġi penali u li kienu kontenuti f’dan iċ-ċellulari, waqt li s-sorsi tal-imsemmija messaġġi jkunu protetti.
Dan l-inkarigu ġie estiż fit-23 ta’ Mejju 2019 wara li l-akkużati, għamlu talba biex l-istess Mallia jeżamina ukoll l-laptop tal-vittma esebit fl-atti għall-istess skop. Il-qorti ċaħdet it-talba tagħhom sabiex isir l-istess eserċizzju fuq il-Blog Running Commentary.
Fit-12 ta’ Ġunju 2019 l-espert nominat, jiġifieri l-Imħallef Michael Mallia talab li jiġi eżentat mill-inkarigu lilu mogħti fir-rigward tal-eżami tal-laptop tal-vittma (u mhux minn inkarigi oħra li kellu iżda rigward il-laptop biss) għaliex ħass li ma kienx kompetenti fil-qasam tal-informatika. Ġara li l-Maġistrata Claire Stafrace Zammit stiednet lil partijiet sabiex jindikaw isem ta’ persuna jew persuni li tista taħtar minflok l-Imħallef Mallia, u l-familja Caruana Galiza indikat lill-Imħallef Emeritus Joseph Galea Debono u l-Imħallef Emeritus Silvio Meli sabiex xi wieħed minnhom jissostitwixxi l-espert Mallia. La l-pulizija u lanqas id-difiza ma ssuġġerew lil ħadd u l-Magistrata Claire Zammit Stafrace ħatret lill-imħallef Silvio Meli bl-assistenza tal-espert Keith Cutajar sabiex jesegwixxi dan l-inkarigu. Dan ġara fis-26 ta’ Ġunju 2019. Iżda peress li fl-1 ta’ Ġunju 2019, l-akkużat Alfred Degiorgio kien oġġezzjona għall-ħatra kemm tal-imħallef Mallia kif ukoll tal-imħalfin Silvio Meli u Galea Debono, in-nomina tal-Imħallef Silvio Meli baqgħet mhux konfermata.
l-Avukat Ġenerali għoġbu joħroġ l-att tal-akkuża fil-konfront tal-akkużati u għalhekk il-Qorti Istruttorja ma baqgħetx kompetenti sabiex tittratta din it-talba li saret mill-akkużat Alfred Degiorgio.
Fid-decizjoni tagħha. l-Imħallfa Edwina Grima qalet iżda li jekk waqt il-ġuri, il-Qorti dejjem tista’ tordna li jitressaq xhud jew jiġi preżentat dokument li jitqies li huwa materjali għall-każ anke jekk tali dokumenti jew dokument ma kienx indikat fil-lista tax-xhieda jew fil-lista tad-dokumenti.
Fost l-oħrajn joħroġ minn din id-deċizzjoni tal-Imħallfa Grima nsiru nafu li l-kompjuter ta’ Daphne Caruana Galizia kien nbagħat lill-Pulizija Federali Ġermaniża magħrufa bħala il-Bundeskriminalamt u li l-prosekuzzjoni kienet talbet li dawn iż-żewġ laptops u 3 hard drives appartenenti lill-vittma jiġu esebiti fi stadju ta’ kumpilazzjoni, iżda ma segwitx tali talba bil-konsegwenza li dawn iż-żewġ laptops u 3 hard drives baqgħu qatt ma ġew esebiti. Wara talba li saret mill-avukat ta’ Alfred Degiorgio sabiex l-pulizija Federali Ġermaniża tesebixxi dawn iż-żewġ laptops u hard drives li kienu tal-vittma u jinsabu fil-pussess tal-pulizija fedeali Ġermaniża u l-Qorti laqgħet it-talba fil-11 ta’ Lulju 2019 u appuntat is-seduta tal-15 ta’ Lulju 2019 għal dan il-għan, il-Prosekuzzjoni toġġezzjona għall-produzzjoni ta’ tali xhieda għax skond hi ma ġietx segwita il-proċedura tar-rogatorji. Dan ifisser li l-prosekuzzjoni ppretendiet li d-difiża tieħu hi l-iżbrigu (jiġifieri x-xogħol) li tinnotifika lill-pulizija Federali Ġermaniża għax il-provi ridithom hi. Ġara li ma sar xejn mid-difiża sabiex l-Ġermaniżi jinġibu jixhdu bil-proċeduri tar-rogatorji u l-prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha u ħareġ l-att tal-akkuża. B’hekk il-każ tela’ għall-ġuri, id-difiża ma inkludietx l-pulizija Ġermaniża bħala xhud u lanqas l-laptops u l-hard drives fil-lista tad-dokumenti li trid tipproduċi u għalhekk il-Qorti Kriminali ċaħdet it-talba tad-difiża meta allegaw li l-Qorti Istruttorja rrifjutat li tisma’ x-xhieda tal-pulizija Ġermaniza u jixhdu dwar żewġ laptops u tliet hard drives appartenenti li vittma.
Dak li jiġi konkuż minn dan kollu huwa li fir-rigward taż-żewġ laptops u tliet hard drives ta’ Daphne Caruana Galizia, il-pulizija ma nsistitx għalihom u d-difiża baqgħet ma għamlet xejn biex iġġibhom Malta bil-proċedura tar-rogatorji u lanqas indikat lill-pulizija federali Germaniza bħala xhieda tagħha fil-ġuri u lanqas indikat ż-żewġ laptops u tliet hard drives tal-istess Daphne bħala dokumenti li trid tipproduċi waqt il-ġuri tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat il-Koħħu.